Il-Maltin mhux se jappellaw mid-deċiżjoni tal-Gvern dwar it-trasport

Il-konsorzju Malti li kien applika biex iħaddem it-trasport pubbliku, qal li għal ġid tal-pubbliku mhux se jappella mid-deċiżjoni tal-Gvern.
Il-konsorzju Island Buses Malta Limited (IBML) ħa din id-deċiżjoni wara li mis-sottomissjonijiet kollha fit-tender, il-Gvern għażel lill-kumpanija Spanjola Autobuses Urbanos de Leon biex tibda toffri s-servizz tat-trasport pubbliku.
Madanakollu l-konsorzju saħaq li għad għandu l-jedd u l-bażi biex jappella mid-deċiżjoni.
Il-qagħa dwar it-trasport pubbliku qamet wara li fil-jiem li għaddew il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi ammetta li mar Spanja iżur l-Autobuses Urbanos de Leon.
Dan minkejja li skont klawsola 10 tal-kuntratt tal-Espressjoni ta' Interess għas-servizz tat-trasport pubbliku, il-Ministru ma jista' jitkellem ma' ebda kumpanija li tkun tefgħet offerta għall-kuntratt.
Il-konsorzju Island Buses Malta Limited sostna li l-pubbliku għandu dritt għal trasport effiċjenti u tal-għola livell hekk kif hemm mitlub fl-Espressjoni ta’ Interess.
Temm jgħid li minkejja l-Gvern għażel lill-kumpanija Spanjola, il-kumpaniji Maltin xorta għadhom jemnu li tagħhom kienet l-aqwa offerta.