Aġġornata “Il-Maltin ma jistgħux isegwu lit-team Malti tal-waterpolo” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern ma laqgħax it-tliet proposti li tressqu mill-Oppożizzjoni dwar is-sehem tat-team nazzjonali Malti fil-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo.
Il-PN qal li filwaqt li l-Prim Ministru Joseph Muscat sab il-fondi biex jivvjaġġa sas-Serbja biex jara l-partita tal-waterpolo 'live', mhux l-istess jingħad għall-Maltin. Dan għax il-poplu Malti mhu se jkollu lanqas l-opportunità li jara din il-partita tal-waterpolo permezz tat-televiżjoni minħabba li l-PBS mhux se jxandarha.
Fakkar kif fost il-proposti tiegħu, il-PN kien semma l-possibiltà li l-pleyers jitħarrġu full-time, li l-PBS jixtri d-drittijiet għal-logħbiet li fihom hemm Malta, u li jsiru arranġamenti biex Maltin ikunu jistgħu imorru Belgrad biex jappoġġjaw lit-team.
Il-Partit Nazzjonalista awgura kull suċċess lill-pleyers Maltin fl-ewwel parteċipazzjoni storika fil-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo.
Reazzjoni mill-Gvern
Intant, b'reazzjoni s-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport qal li lejliet il-bidu ta’ parteċipazzjoni storika għat-tim Malti fil-Finali tal-Kampjonat Ewropej tal-Waterpolo li huwa sors ta’ kburija u għaqda nazzjonali, l-Oppożizzjoni għażlet li tirrikorri għall-politika negattiva u partiġġjana.
Il-Gvern qal li minflok messaġġ li jgħaqqad, l-Oppożizzjoni iddeċidiet li toħroġ bi skorretezzi biex tipprova tifred anke fuq l-isport.
Is-Segretarjat Parlamentari fakkar li malli t-tim nazzjonali Malti kkwalifika għall-fażi finali f’Belgrad, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius, beda diskussjonijiet mal-uffiċjali tal-Aquatic Sports Association (ASA) immexxija mill-President Joe Caruana Curran biex it-tim Malti jkun ippreparat bl-aħjar mod possibbli.
Fil-fatt, il-Gvern wasal biex jilqa’ t-talbiet kollha tal-ASA, inkluż dwar assistenza b’rabta mat-telf ta’ xogħol tal-players nazzjonali, b’għajnuna li wasslet mill-Fond tal-Kawżi Ġusti, mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u minn SportMalta.
Il-Gvern kompla jgħid li l-Oppożizzjoni m’hijiex infurmata lanqas dwar is-sehem li se jagħti l-istazzjon nazzjonali f’dan l-avveniment storiku u għażlet li titkellem kmieni b'mod mhux infurmat.