Il-Maltin ma jirrappurtawx il-korruzzjoni għax min iwettaqha jgħaddiha lixxa – Ewrobarometru

Il-Maltin aktarx li ma jirrappurtawx każijiet ta’ korruzzjoni għax jemmnu li xorta waħda għalxejn għax dawk responsabbli aktarx li mhux se jieħdu dak li ħaqqhom.
Dan ħareġ minn stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru li jixtrarr il-perċezzjoni li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għandhom lejn il-korruzzjoni.
Meta mistoqsija għalfejn ma jirrappurtawx każijiet ta’ korruzzjoni, 41% tal-Maltin semmew in-nuqqas ta’ protezzjoni bħala r-raġuni ewlenija.
Apparti n-nuqqas ta’ protezzjoni, meta mistoqsija għalfejn ma jirrappurtawx każijiet ta’ korruzzjoni u ġew mitluba jagħżlu tlieta minn ħames raġunijiet, 33% tal-Maltin qalu li f’Malta, dawk responsabbli qatt ma jkunu ppenalizzati
It-tieni l-aktar raġuni għalfejn Maltin ma jirrappurtawx il-korruzzjoni hija minħabba l-biża’ li jispiċċaw fl-inkwiet mal-Pulizija jew awtoritajiet oħra jekk jirrappurtaw.
19% wieġbu li “lanqas ħaqq” tirraporta u 16% qalu li kulħadd jaf b’każijiet ta’ korruzzjoni imma ħadd ma jgħid xejn jew jirrapporta u għalhekk ma jarawx għalfejn għandhom ikunu huma li jirrappurtaw.
Dan kollu jirriżulta minkejja li l-biċċa l-kbira tal-Maltin jafu x’għandhom jagħmlu u fejn għandhom immorru biex jirrappurtaw il-korruzzjoni.
Skont l-istess stħarriġ, 83% tal-Maltin iqisu l-korruzzjoni bħala “inaċċettabbli.”
Ir-rapport sab ukoll li 79% tal-Maltin jemmnu li l-korruzzjoni hija mifruxa sew f'Malta. Għalkemm 79% ifisser 11% aktar mill-medja Ewropea, il-persentaġġ naqas b’4% meta mqabbel mal-istess stħarriġ li sar fl-2013.
Minkejja dan, ftit aktar min-nofs il-Maltin jemmnu li l-korruzzjoni żdiedet fl-aħħar 3 snin.