Il-Maltin ma jaqblux biss ma’ Pete Buttigieg fuq l-abort – Washington Post

MATIAS J. OCNER / MIAMI HERALD

Il-ġurnal Amerikan The Washington Post ħareġ artiklu fuq l-għadd kbir ta’ persuni bil-kunjom Buttigieg f’Malta, u kif dawn qed jappoġġjaw lil Pete Buttigieg fl-elezzjoni presidenzjali tal-Amerka. L-artiklu jgħid li jappoġġjawh f’kollox, ħlief fil-qbil tiegħu mal-abort.

Il-ġurnalist Chico Harlan żar il-Qala, fejn is-Sindku huwa kunjomu Buttigieg, u anke ż-żewġ eks sindki. Il-President Emeritu Anton Buttigieg, it-tieni President tar-Repubblika, ukoll kien mill-Qala. L-ewwel Isqof t’Għawdex, Michele Buttigieg, inzerta kellu l-istess kunjom ukoll.

L-eks Sindku Vince Buttigieg u s-Sindku kurrenti Paul Buttigieg qalu lill-ġurnalist li fil-Qala hemm kwart, jew iżjed, tal-2,000 ruħ li kunjomhom huwa Buttigieg.

L-artiklu Amerikan jgħid li minkejja li Pete Buttigieg ma jiġi mill-ebda mir-residenti tal-Qala li tkellmu magħhom, dawn qed jappoġġjawh, sempliċiment għall-fatt li missieru kien Malti, allura jħossu ċerta rabta miegħu. Saħansitra kienu jafu fejn joqogħdu qrabatu.

Il-kwistjoni tal-pronunzja ta’ Buttigieg, li sikwit ġiet diskussa fuq it-televixin Amerikan minn mindu Pete Buttigieg tfaċċa fit-tellieqa presidenzjali, qamet fl-artiklu wkoll. L-Amerikan ta’ dixxendenza Maltija, li kien Sindku ta’ South Bend, Indiana, għal tmien snin, ħoloq ċajta mill-pronunzja billi fuq il-posters tal-kampanja tiegħu kiteb “Boot-edge-edge.” Il-President Donald Trump qal li l-kunjom ma jistax jiġi pronunzjat, u rredikolah meta qal, “Who wants to watch Boo-de-dedge?”

Apparti dan, l-artiklu jiddiskuti kif Malta, bħala pajjiż li kulma jmur qed isir aktar liberali, jidher li jappoġġja lil Pete bħala raġel omosesswali u miżżewweġ, iżda mbagħad, donnhom il-Maltin ma jaqblux miegħu fuq l-abort.

Is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg qal lill-ġurnalist Amerikan li l-kwistjonijiet li jkollu jaffaċċja bħala Sindku jvarjaw minn oġġezzjonijiet għal żvilupp f’art agrikola, sa numru ta’ tiġieġ li jinvadu parti mill-Qala u ma jkunux iridu jitilqu. Jiċċajta mal-ġurnalist li determinat li jkeċċiehom, u jgħidlu li Pete kieku jagħmel bħalu, għax id-determinazzjoni hija parti mid-DNA ta’ dawk kunjomhom Buttigieg.

Żied jgħid li forsi xi darba s-Sindku Pete jaf iżur il-Qala u jiltaqa’ mas-Sindku Paul.