Il-Maltin l-inqas inkwetati li jitilfu l-impjieg fl-UE – Eurofound

Skont stħarriġ tal-aġenzija tal-Unjoni Ewropea, l-Eurofound, il-Maltin huma l-inqas fl-Unjoni Ewropea li huma inkwetati li jitilfu l-impjieg.
Il-Eurofound għadha kif ippubblikat l-ewwel riżultati ta’ stħarriġ li għamlet madwar il-pajjiżi kollha tal-UE fl-2016. Dan l-istħarriġ jindika li l-Maltin huma t-tieni nazzjon, wara l-Lussemburgu, fejn jidħol sodisfazzjon dwar l-istat tal-ekonomija. F’Malta 5% esprimew inkwiet li jitilfu l-impjieg tagħhom, bil-Gvern iżid jgħid li ħames snin ilu l-ammont ta’ persuni inkwetati li jitilfu l-impjieg tagħhom kien id-doppju ta’ dak li hu bħalissa.
Fi stqarrija, il-Gvern irrefera għall-istess stħarriġ u qal li 72% tal-Maltin huma ottimisti fuq il-futur tagħhom, u 77% huma ottimisti dwar il-futur ta’ wliedhom.
L-istħarriġ tal-Eurofound jindika li f’pajjiżna hawn l-ogħla livell ta’ sodisfazzjon fejn jidħol is-servizz taċ-childcare, kif ukoll is-servizzi għall-kura tal-anzjani. Barra minn hekk l-istħarriġ jindika li fl-aħħar ħames snin kien innutat titjib kbir fil-kwalità ta’ servizzi pubbliċi f’pajjiżna, fosthom fis-sistema tas-saħħa, tat-trasport pubbliku, u l-housing soċjali.
Skont l-istħarriġ tal-Eurofound, il-Gvern Malti huwa r-raba’ Gvern l-aktar fdat madwar l-Ewropa, b’żieda qawwija fil-livell ta’ fiduċja fl-aħħar ħames snin.