Il-Maltin l-aktar poplu li kapaċi jagħti donazzjoni għall-kultura

Il-Maltin huma l-aktar li kapaċi jagħtu donazzjoni b’risq il-wirt kulturali fl-Ewropa.
Fi stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-Ewropej u l-wirt kulturali, il-Maltin flimkien mal-Olandiżi ħarġu li huma l-aktar popli fl-Unjoni Ewropea li kapaċi jagħtu donazzjoni jew riżorsi oħra lil organizzazzjoni li hija attiva fil-qasam tal-wirt kulturali.
Fl-istess ġurnata, l-Ewrobarometru ppubblika wkoll rapport dwar il-korruzzjoni
Rapport dwar dan l-istħarriġ, li sar fost 500 parteċipant Malti, juri li 19% kapaċi jagħmlu dawn id-donazzjonijiet. Il-medja tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ 7%.
Waħda mill-mistoqsijiet f’dan l-istħarriġ kienet dwar il-libreriji u l-arkivji fejn l-Ewrobarometru staqsa lill-parteċipanti jekk fl-aħħar sena żarux libreriji jew arkivji. L-istħarriġ sab li l-Maltin huma fost lanqas popli fl-Ewropa li jagħmlu dan, b’16% biss jgħidu li żaru librerija jew arkivju fl-aħħar sena. Il-medja fl-Ewropa hija d-doppju, bi 30% jgħidu li żaru dawn il-postijiet fl-aħħar sena.
Mistoqsija oħra kienet relatata mal-globalizzazzjoni. Il-Maltin huma l-aktar li jemmnu li permezz tal-globalizzazzjoni il-kultura Ewropea se ssir aktar dinamika u mxerrda mad-dinja kollha.
Dan jikkuntrasta bil-bosta ma’ mistoqsija dwar l-importanza li l-Maltin jagħtu lill-wirt kulturali. Ir-rapport juri li aktar minn nofs tal-Maltin jgħidu li l-wirt kulturali huwa importanti ħafna għalihom personali, għall-komunità lokali, għar-reġjun li jgħixu fih, għall-pajjiż u għall-Unjoni Ewropea.
Il-Maltin huma wkoll fost l-aktar popli fl-Ewropa li jemmnu li attivitajiet relatati mal-wirt kulturali joħolqu x-xogħol. Joħroġ ukoll li l-Maltin huma l-aktar ċittadini fl-Ewropa li jemmnu li l-Gvern hu l-aktar istituzzjoni li kapaċi jħares il-wirt kulturali permezz tal-awtoritajiet pubbliċi.
Il-Ministru għall-Ġustizzju u l-Kultura Owen Bonnici laqa’ dan r-rapport u qal li Malta għandha atitudni pożittiva lejn il-wirt kulturali.
Il-Ministru Bonnici qal li l-Gvern qiegħed jaħdem biex ipoġġi l-kultura u l-wirt kulturali fuq quddiem. Sostna li “l-fatt li l-parteċipanti Maltin f’dan l-istħarriġ qabżu l-medja tal-UE juri biċ-ċar li huma jafdaw fil-gvern tagħhom u x-xogħol tiegħu biex jippromwovi u jipproteġi l-wirt kulturali tagħna”.
Hawnhekk tista' tara r-riżultati tal-istħarriġ dwar Malta: