Il-Maltin l-aktar ottimisti fl-Ewropa

Stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea li sar fost 1,500 kumpanija u 1,000 persuna fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Jannar juri li f’Malta hawn l-ogħla livell ta’ ottimiżmu fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro.
Skont l-istħarriġ l-akbar ottimiżmu kompla jispikka fost l-operaturi fis-settur tas-servizzi li jinkludu kumpaniji fis-settur finanzjarju, dan hekk kif  dawn għandhom livell ta’ kunfidenza d-doppju tal-medja Ewropea.
Skont l-indikazzjonijiet fil-qasam tar-retail ħafna operaturi qed jistennew żieda fil-bejgħ u għalhekk se jżidu l-impjiegi meta mqabbel mal-medja Ewropea ta' Jannar. Fl-industrija ħafna fabbriki qed ibassru titjib fil-produzzjoni u għalhekk żieda fil-ħaddiema meta mqabbel mal-medja Ewropea.
Fil-qasam tal-kostruzzjoni, skont l-operaturi, kien hemm żieda fl-attività u għalhekk se jfittxu li jħaddmu aktar nies.
Fost il-familji Maltin ġie osservat l-ogħla livell ta’ ottimiżmu mindu l-Kummissjoni Ewropea bdiet tagħmel dan l-istħarriġ kull xahar fl-2002.
Il-familji qed iħossu li l-ekonomija kibret, tant li qed jistennew li l-qgħad se jkompli jonqos. Filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea jeżisti pessimiżmu fost il-konsumaturi, f’Malta hawn l-ogħla proporzjon ta’ nies li bħalissa qegħdin f’pożizzjoni li jagħmlu akkwisti relattivament kbar bis-saħħa tal-qagħda finanzjarja tagħhom.