Il-Maltin l-aktar li jużaw l-Emerġenza ‘għax fis-sakra’

Arkivji

Il-maġġoranza tal-pazjenti li jżuru d-Dipartiment tal-Emerġenza tal-isptar Mater Dei minħabba konsum ta’ xorb eċċessiv huma Maltin, għalkemm l-ammont ta’ barranin li jirrikorru għas-servizzi tal-isptar “qed jikber b’rata mgħaġġla” skont il-Kap Eżekuttiv tal-isptar Ivan Falzon.

Ma’ Newsbook.com.mt Falzon qal li l-konsum eċċessiv ta’ xorb joħloq pressjoni fuq l-isptar Mater Dei. Spjega li hemm perjodi matul tmiem il-ġimgħa u madwar ċerti festi pubbliċi fejn in-numru ta’ pazjenti li jattendu l-isptar minħabba problem relatati mal-kosum eċċessiv tax-xorb joħloq pressjoni fuq l-operat tal-isptar.

“Ix-xorb iħalli effett differenti fuq persuni, speċjalment fuq persuni li jkollhom kundizzjonijiet mediċi kroniċi. Il-parir tagħna bħala sptar huwa li ħadd m’għandu jikkonsma xorb alkoħoliku b’mod eċċessiv li jipperikola ħajtu jew l-ħajja ta’ dawk ta’ madwaru” qal Falzon.

Fil-bidu ta’ Awwissu, żewġ persuni li jaħdmu fl-isptar Mater Dei qalu li matul lejl partikolari, is-servizz tal-ambulanzi ntuża’ bħala wieħed tat-taxis għaż-żgħażagħ fis-sakra minn Paceville għall-isptar.

Mistoqsi x’jista’ jsir biex jonqos in-numru ta’ pazjenti li jidħlu l-isptar minħabba konsum eċċessiv tal-alkoħol, il-Kap Eżekuttiv qal li m’hemmx soluzzjoni waħda. Spjega li hemm bżonn numru ta’ azzjonijiet kollettivi biex il-pubbliku jagħraf l-effett negattiv li jħalli fuq in-nies ix-xorb żejjed. Tkellem fuq l-importanza tal-edukazzjoni. Falzon appella lill-pubbliku biex juża’ s-servizz tal-emerġenza b’responsabbilità għall-benefiċċju ta’ dawk li verament ikollhom bżonn dan is-servizz.

Mistoqsijiet li ntbagħtu dwar l-istess suġġett lill-Ministeru għas-Saħħa baqgħu mhux imwieġba.

40% tal-persuni li kuljum imorru fid-Dipartiment tal-Emerġenza jistgħu jinqdew fiċ-ċentri tas-saħħa u għaldaqstant qed jaħlu l-ħin tas-servizz li jingħata fl-isptar. Dan joħroġ minn ċifri li ta l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM.