Il-Maltin kontra elezzjoni bikrija – stħarriġ

Read in English.

Il-maġġoranza tal-Maltin huma kontra li ssir elezzjoni bikrija minflok dik skedata għall-2022, filwaqt li rapporti qegħdin jindikaw li l-Prim Ministru Robert Abela qed jikkunsidra li jsejjaħ elezzjoni bikrija.

Stħarriġ li sar mill-EMCS u ġie kkummissjonat mit-Times of Malta juri li 78% tal-Maltin iridu li l-Gvern ikompli bit-terminu tiegħu sal-2022. Fih ipparteċipaw 376 persuna, u l-istħarriġ sar bejn id-9 u t-18 ta’ Ġunju. Intant, l-istorja tal-faċċata tal-gazzetta Illum tgħid li l-Prim Ministru qed jikkunsidra li jsejjaħ elezzjoni bikrija għaliex jinsab irrabjat wara l-iskandlu ta’ Montenegro li ġie żvelat din il-ġimgħa.

L-istħarriġ tat-Times juri li 3% tal-Maltin iħossu li għandha ssir elezzjoni din is-sena, filwaqt li 78% jemmnu li l-Gvern għandu jkompli bit-terminu tiegħu sal-2022. 4% jaħsbu li għandha ssir elezzjoni s-sena d-dieħla.

Fl-istħarriġ, il-Partit Laburista qiegħed fuq quddiem bi 23% aktar mill-Partit Nazzjonalista. 38% mill-parteċipanti jivvutaw lill-Partit Laburista kieku kellha ssir elezzjoni għada, filwaqt li 15% jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.

Il-PM jikkunsidra elezzjoni bikrija – rapport

Il-gazzetta Illum qalet illi minkejja li kienet ilha tiġi diskussa fi ħdan il-Partit Laburista l-possibbiltà ta’ elezzjoni bikrija, b’dak li ħareġ dwar l-iskandlu ta’ Montenegro, il-Prim Ministru Robert Abela jinsab irrabjat u xxukkjat ħafna, u qed jikkunsidra elezzjoni għaliex, jgħid l-artiklu, “min huwa politikament kolpevoli ma jistax jibqa’ fil-partit.”

Fl-2017 kienet issejħet elezzjoni bikrija mill-Prim Ministru Joseph Muscat, wara li kienu ħarġu allegazzjonijiet li rabtu lil Muscat u martu Michelle mal-kumpanija Egrant.

Malta din il-ġimgħa nħasdet mill-informazzjoni li ħarġet dwar skandlu ieħor, din id-darba dwar profitt mhux iddikjarat li għamlet il-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech meta l-Enemalta xtrat wind farms f’Montenegro. Bħalissa għaddejjin proċeduri fil-qorti kontra Yorgen Fenech peress li huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

It-tmun f’idejn min?

Il-Prim Ministru huwa fdat mill-parteċipanti tal-istħarriġ erba’ darbiet aktar mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Abela jitqies il-kandidat ideali biex imexxi l-Partit Laburista, iżda Chris Fearne qabeż lil Abela fil-kategorija ta’ min għandu l-aħjar kwalitajiet ta’ tmexxija.

Fi stħarriġ simili mwettaq mill-MaltaToday, il-Prim Ministru Robert Abela għadu l-aktar mexxej fdat, iżda jidher li bħalissa huwa l-inqas li qatt kien fdat minn mindu laħaq Prim Ministru f’Jannar li għadda. Madankollu, Adrian Delia xorta jidher li mhuwiex fdat mill-pubbliku daqs Abela.

Mistoqsijin jekk għandhomx idea ċara lil min jivvutaw li kieku kellha ssir elezzjoni għada, kważi tnejn minn kull tliet persuni li pparteċipaw fl-istħarriġ tat-Times, wieġbu li għandhom. Aktar minn kwart qalu li li kieku, ma jafux lil min jivvutaw bħalissa. Kwart mill-parteċipanti fl-istħarriġ qalu li mhux importanti għalihom min jirbaħ l-elezzjoni li jmiss.

Madankollu, l-istħarriġ juri li l-Maltin għadhom ħerqana sabiex jivvutaw, peress li 86% minnhom iħossu li hu dmirhom li jivvutaw.