Il-Maltin kif iħarsu lejn it-tiġijiet?

Il-preżentaturi fuq Net TV, James Xuereb u Roberta Bonello, il-wedding organizer Clayton Zahra, id-duo popolari Xarulu, il-kantanti Krista Spiteri Lucas, Michela Galea u Mikhail Attard, flimkien ma żeffiena minn Paul Curmi Dance Company se jkunu fost il-mistiedna ewlenin fil-programm tal-lejla ta’ The Entertainers, il-varjetà televiżiva tas-Sibt filgħaxija, li tixxandar fuq Net Television fit-20.30.

Minbarra l-mużika LIVE u d-divertiment garantit, l-ingredjenti ewlenin wara s-suċċess tal-programm, ikun hemm ukoll id-diskussjoni ‘Aħna l-Maltin’. Din il-ġimgħa The Entertainers jiddiskuti flimkien ma’ panel ta’ personalitajiet popolari kif aħna l-Maltin inħarsu lejn it-tiġijiet.

Bi preżentazzjoni tal-kantant u xowman popolari Janvil, The Entertainers iwasslilkom sagħtejn u nofs ta’ spettaklu b’divertiment garantit flimkien mal-band residenti mmexxija minn Mark Spiteri Lucas u bosta artisti mistiedna. Fuq kollox ir-rebħ ta’ rigali kbar u mill-isbaħ. Din il-ġimgħa tissokta wkoll l-ewwel fażi ta’ The Entertainers Singing Challenge.

Attrazzjonijiet oħra jinkludu l-Cocktail Bar ma’ James Aquilina, Fashion Time b’pariri siewja dwar il-moda femminili u bil-parteċipazzjoni ta’ diversi mudelli.