Il-Maltin jonfqu €128 miljun fuq il-logħob fl-2017

L-ammont totali fuq attivitajiet varji tal-logħob mill-poplu Malti tela’ għal €128 miljun. Dan juri żieda ta’ €3 miljuni fuq l-istima li nġabret fl-2015.

Din il-figura ħarġet mill-istħarriġ dwar l-użu marbut ma’ servizzi tal-logħob fost residenti Maltin li sar mill-Malta Gaming Authority (MGA) u li ġie ppubblikat fl-aħħar jiem.

L-istħarriġ sab ukoll li matul l-2017 kien hemm total ta’ 186,849 persuna li nefqu flus fuq il-logħob. Dan l-ammont huwa inqas minn dak li kien tkejjel fl-2015 li kien ta’ 195,146 persuna. Dan juri li l-ammont ta’ nies li lagħbu l-flus naqas b’4.3%, madanakollu n-nefqa tagħhom żdiedet.

52% tal-Maltin jonfqu €11 fil-ġimgħa fil-logħob

Mir-rapport ħareġ li propju 2.5% tal-ispejjeż tal-konsum tal-familji kien propju għall-logħob. Din l-ispiża tammonta għal kwart tal-flus li jintefqu minn familji fejn jidħlu l-attivitajiet rikreattivi u kulturali. Skont l-istħarriġ jidher li l-logħob ikkonsma 2.4% tad-dħul tal-familiji Maltin fl-2017.

73% tal-flus minfuqa fuq il-logħob imorru għal-lotterija Nazzjonali. Din imbagħad hija segwita minn flus minfuqa ġewwa casinos, tombla u logħob bejn il-ħbieb.

Madwar 52.8% tal-popolazzjoni Maltija minn 18-il sena ‘l fuq huma stamti li nefqu medja ta’ €11.30 fil-ġimgħa fuq attività marbuta mal-logħob fl-2017.

Żieda f’persuni li għandhom bejn 25 u 34 sena

L-istħarriġ irreġistra żieda ta’ parteċipazzjoni ta’ persuni li jaqgħu fl-etajiet ta’ 25 u 34 sena. Intant dawk li għandhom 45 sena jew aktar baqgħu fost l-aktar grupp ta’ persuni li jilgħabu l-flus.

Jidher li l-persuni li l-aktar lagħbu flus fl-2017 għandhom livell massimu ta’ edukazzjoni sas-sekondarja. Huma jaħdmu fuq bażi full-time fis-suq tax-xogħol, fid-djar jew pensjonanti. Persuni li għandhom bejn it-18 u l-24 sena u dawk li għandhom bejn 35 u 44 sena huma fost l-inqas li jinvolvu lilhom infushom fil-logħob tal-flus.

Iqattgħu 33 minuta fil-ġimgħa jilgħabu l-flus

Il-ħin medju li individwi li jkunu qed jilagħbu u jqattgħu fuq attivitajiet marbuta mal-logħob hu stmat li hu madwar 33 minuta fil-ġimgħa. L-istħarriġ juri li aktar minn nofs il-persuni li jilagħbu, jqattgħu iktar minn 10 minuti jilagħbu fil-ġimgħa. Dan jirrifletti l-ammont qawwi ta’ persuni involuti fil-logħob tal-lotterija nazzjonali.