Il-Maltin: Jixtru klieb u qtates iktar milli jaddottaw

Fl-2017, il-maġġoranza tal-Maltin għażlu li jixtru l-kelb jew il-qattus tagħhom minflok jaddottaw dawk abbandunati minn xi xelter.
Dan il-fatt instab minn studju li sar f’Novembru li għadda mill-Malta Society for Protection and Care of Animals (MSPCA).
L-istudju kkonkluda li 45.1% tal-Maltin xtraw il-klieb tagħhom, filwaqt li kienu biss 30.1% li addottaw jew ġabru xi kelb mit-triq.
Fejn jidħlu l-qtates, id-distakk huwa kemxejn inqas hekk kif 41.7% xtraw il-qtates tagħhom, filwaqt li 29.9% addottaw jew ġabru xi qattus mit-triq.
Is-servej sab ukoll li l-maġġoranza tal-Maltin, speċifikament 64.2%, ma jikkunsidrawx li jaddottaw klieb minn xelters bħall-MSPCA.
Fejn jidħlu l-qtates, il-poplu Malti jidher inqas imħeġġeġ li jaddotta hekk kif il-persentaġġ li ma jridux jaddottaw minn xelters jitla’ għal 71.8%.
Il-maġġoranza tal-klieb (97.2%) u l-qtates (94.2%) huma msewwija, u l-maġġoranza ta’ dawk li ma sewwewx l-annimali tagħhom jgħidu li għamlu dan minħabba li jridu jgħammruhom.
Aktar fatti nteressanti:

  1. 59% tal-poplu Malti ma għandux annimali, 17% għandhom klieb biss, 12.6% għandhom qtates biss u 11.4% għandhom kemm klieb u qtates.
  2. In-numru medju ta’ klieb li għandhom familja huwa dak ta 57,195. Li ilu l-istess mill-2015.
  3. Il-maġġoranza tal-klieb (58.3%) m’għandhomx ċippa.
  4. Jidher li kull minn kellu problemi żgħar bil-klieb qatt ma kellu jneħħihom minħabba dawn ir-raġunijiet: inbieħ eċċessiv u tiġbid żejjed taċ-ċinġa, fost oħrajn.
  5. 97.9% ma jgħammrux il-klieb tagħhom, filwaqt li dawk kollha li jgħammru jagħmlu dan sabiex ibigħu l-frieħ.

L-istudju analizza grupp rappreżentattiv ta’ 500 persuna Maltija mill-14-il sena ’l fuq.