Il-Maltin jixtru iktar karozzi użati

L-ewwel kompendju reġjonali ta’ Malta ppublikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri li fl-2015, il-karozzi reġistrati ġodda fit-toroq ammontaw għal 21,260; li minnhom 9,321 kienu karozzi ġodda u 11,939 kienu karozzi użati.
Il-vetturi privati kienu jammontaw għal 275,380 b’żieda ta’ 9.3% fl-ammont ta’ muturi reġistrati.Il-maġġoranza tal-persuni li kellhom liċenzja tas-sewqan kellhom bejn l-40 u 59 sena.
Ir-rapport juri li 30% tal-vetturi liċenzjati huma reġistrati fiż-żona tat-tramuntana tal-port, li tinkludi Birkirkara; il-Gżira; Ħal Qormi; il-Ħamrun; l-Imsida; Pembroke; San Ġwann; Santa Venera; San Ġiljan; is-Swieqi; Ta’ Xbiex; Tal-Pietà u Tas-Sliema.
L-istatistika turi li fiż-żona ta’ nofsinhar il-lvant hemm reġistrati l-ikbar numru (28.9%) ta’ coaches u karozzi tal-linja privati. Din iż-żona tinkludi Birżebbuġa; il-Gudja; Ħal Għaxaq; Ħal Kirkop; Ħal Safi; Marsaskala; Marsaxlokk; l-Imqabba; il-Qrendi; -ż-Żejtun u ż-Żurrieq.
F’Għawdex u f’Kemmuna hemm reġistrat l-ikbar numru ta’ vetturi agrikoli u fid-distrett tat-tramuntana, Ħal Għargħur; il-Mellieħa; l-Imġarr; il-Mosta; n-Naxxar; u San Pawl il-Baħar hemm reġistrat l-ikbar numru ta’ vetturi għal użu speċifiku.
Tista' taqra r-rapport sħiħ hawnhekk.