Filmat: “Il-Maltin jippreferu ż-żwieġ bil-Knisja” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li minkejja li s-soċjetà qed tinbidel, meta l-Maltin jaħsbu fiż-żwieġ, jaħsbu fiż-żwieġ bil-Knisja u jiżżewġu bi żwieġ fil-knisja.
Skont stħarriġ li għamel Newsbook.com.mt, fl-2016 kien hemm kważi 1,388 żwieġ bejn Maltin jew bejn Maltin u barranin bil-Knisja. L-għadd ta’ żwiġijiet ċivili bejn Maltin biss jew bejn Maltin u barranin kien ta’ 539.
Waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM, l-Arċisqof iċċara statistika mogħtija fil-Parlament li mal-ewwel daqqa ta’ għajn turi li f’Malta jiżżewġu aktar biċ-ċivil milli bil-Knisja. Huwa qal li din l-istatistika turi dawn ir-riżultati għax tinkludi fiha l-mijiet ta’ żwiġijiet ċivili li jsiru bejn barranin biss. Barra minn hekk l-istatistika mogħtija fil-Parlament ma tinkludix iż-żwiġijiet li jsiru bil-Knisja f’Għawdex u lanqas turi dawk li jkunu żżewġu biċ-ċivil u xi snin wara jiddeċiedu li jiżżewġu bil-Knisja.
L-Arċisqof semma li l-għadd taż-żwiġijiet bejn koppji barranin, li jagħżlu Malta biex jiżżewġu qed ikompli jissaħħaħ. Fi kliemu din hija industrija tajba għall-pajjiż.
Iż-żwiġijiet mill-Maltin: 1,388 bil-Knisja; 539 biċ-ċivil
Dan ix-xahar, ċifri li l-Prim Ministru Joseph Muscat ippreżenta fil-Parlament juru li fl-2016 kien hemm 1,452 żwieġ ċivili u 1,262 żwieġ reliġjuż. F’din it-tweġiba, li hija skorretta fejn jidħol l-għadd ta’ żwiġijiet bil-Knisja, lanqas issemmi kemm kien hemm żwiġijiet bejn barranin biss.
Skont tagħrif li għandu Newsbook.com.mt fl-istess sena, jiġifieri fl-2016, iżżewġu bil-Knisja f’Malta 1,354 koppja u 145 iżżewġu bil-Knisja f’Għawdex.
Din id-deskrepanza, bejn iċ-ċifri mogħtija mill-Prim Ministru u ċ-ċifri li qed joħroġ Newsbook.com.mt, ġiet spjegata mill-Arċisqof waqt l-istess programm ippreżentat minn Fr Joe Borg. Semma li jkun hemm każi ta’ persuni  li jiżżewġu biċ-ċivil għax ma jkunux ġabu l-annullament, iżda meta jġibu l-annullament jiżżewġu bil-Knisja. L-għadd ta’ dawn mhux qiegħed fir-risposta li ta l-Prim Ministru.
Is-sitwazzjoni qiegħda hekk:
Fl-2016 żwiġijiet bil-Knisja f’Malta u Għawdex kienu 1,499. Jekk minn dawn tneħħi l-111 li kienu żwiġijiet bil-Knisja bejn barranin biss, jibqa’ 1,388 li kienu jew bejn Maltin biss, jew bejn Maltin u barranin.
Fl-istess sena l-għadd ta’ żwiġijiet ċivili kien ta’ 1,452. Meta minn dawn tneħħi d-913-il żwieġ bejn barranin biss issib li l-għadd ta’ żwiġijiet ċivili bejn Maltin biss jew bejn Maltin u barranin kien ta’ 539.
“Minflok il-kanonċi, din is-sena kien hemm l-għarajjes”
Mons. Charles Scicluna rrimarka li kull sena fil-quddiesa li jiċċelebra mal-għarajjes li jkunu se jiżżewġu dik is-sena, tkun waħda mill-okkażjonijiet rari li ma jkunx hemm post fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.
Stqarr li din is-sena, meta ra xi koppji bilwieqfa stedinhom jitilgħu fil-postijiet tal-Kapitlu, “u għal darba minflok kanonċi kien hemm l-għarajjes”.
Segwi l-intervista sħiħa mal-Arċisqof hawn.
Ritratt: Ian Noel Pace