Il-Maltin jippreferu telefonata minn messaġġ

L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, sostniet li s-settur tat-telefonija ċellulari żied in-numru tal-abbonamenti b’0.8%.
Fi stqarrija, l-MCA qalet li t-telefonati żdiedu b’5% u tal-minuti kkunsmati b'9.4%.

Spjegat li dan jixhed li l-Maltin qed iċemplu iżjed permezz ta' telefonati iżjed fit-tul.
B’kuntrast, in-numru ta’ messaġġi li ntbagħtu naqas, l-abbonament post-paid kiber b’10%, u l-abbonament pre-paid niżel bi 2%.
Iż-żieda fis-servizzi tat-telefonija ċellulari ħalla effett fuq is-settur tat-telefonija fissa, fejn in-numru ta’ abbonamenti naqas b’1.5%, in-numru ta’ telefonati naqas b’5% u l-ammont ta’ minuti kkunsmati nieżel b’4.2%
Fis-settur tal-broadband, in-numru ta’ abbonamenti, b’mod speċjalment dawk b’veloċità għolja, kompla jikber b’6.7% minħabba żieda drastika fid-domanda għal servizzi b’veloċità ta’ 30Mbps jew iżjed.
Ir-reġistrazzjoni fl-abbonamenti għal servizzi b’veloċità ta’ iżjed minn 100Mbps kien l-iżjed abbonament li żdied b’109.6%.
Dwar is-servizz tat-televiżjoni, sar tnaqqis fl-abbonament għal servizzi mhux diġitali bi 11.3%. It-tnaqqis mariġnali seħħ minħabba żieda fl-abbonament għal servizzi IPTV b’65%. B’kuntrast is-servizzi digital cable u DTTV, naqqsu fl-abbonamenti.
Dwar servizzi postali, il-volum totali ta’ artikli tal-post naqas bi 2.2% minħabba l-impatt tal-kummerċ elettroniku li wassal għal tkabbir fil-volum ta’ pakketti li tqassmu f’dan iż-żmien bi 30.5%.