Il-Maltin jippreferu jixtru mingħand il-barranin

Il-poplu Malti jħossu aktar sigur meta jixtri onlajn mingħand bejjiegħa minn pajjiżi oħra milli mingħad bejjiegħa lokali.
Skont il-Consumers Conditions Scoreboard, aktar minn 40% tal-Maltin jixtru minn pajjiżi Ewropej u ftit aktar minn 10% jixtru minn Malta stess.
L-istudju juri wkoll li l-poplu Malti huwa l-aktar poplu fl-Unjoni Ewropea li qed issaħħaħ il-fiduċja tiegħu meta jixtri mill-internet.
Skont l-istess studju,  għall-ewwel darba, aktar min-nofs il-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea jħossuhom aktar kunfidenti u siguri meta jixtru prodotti u servizzi onlajn mingħand bejjiegħa oħra stabbiliti fl-UE.
L-istħarriġ juri li 69% tal-konsumaturi Maltin jafdaw li l-awtoritajiet pubbliċi jipproteġu d-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi. Din il-figura hija għola mill-medja tal-UE. Malta ġiet ikklassifikata wkoll bħala t-tieni l-aqwa pajjiż, wara l-Iżvezzja dwar il-proċess tal-Ilmenti u r-Riżoluzzjoni tat-Tilwim.
Ritratt: Ian Noel Pace