Il-Maltin jiksbu punt importanti kontra l-Iżrael

Domenic Aquilina

It-tim nazzjonali ta’ Malta ġabar l-ewwel punt minn Grupp B mill-kwalifikazzjoni għall-UEFA Women’s Euro 2021. Il-Maltin lagħbu kontra t-tim ta’ Iżrael fis-Centenary Stadium.

Wara li kisbu riżultat pożittiv ix-xahar li għadda kontra l-Italja, il-Maltin taw wirja tajba oħra fejn għal bosta mill-ħin tefgħu l-pressjoni fuq it-tim Iżraelit. It-tim Malti mar minn fuq quddiem grazzi għal gowl ta’ Maria Farrugia. In-nisa kellhom żewġ opportunitajiet oħra tajba fil-bidu tat-tieni taqsima, iżda ma rnexxilhomx iżidu mal-vantaġġ li kellhom.

Il-coach Gatt żamm l-istess 11-il plejer li beda kontra t-Taljani u Dorianne Theuma mexxiet it-tim fil-grawnd. Għal Theuma din kienet il-95 logħba tagħha mat-tim nazzjonali.

Il-logħba li jmiss se tkun kontra l-Italja nhar it-Tlieta ġewwa Castel di Sangro.