​”Il-Maltin jiġru wara Efimova; l-Amerikani jarrestaw lil sid Pilatus” – ulied Daphne

It-tfal tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qalu li filwaqt li l-pulizija Maltin kienu qed jiġru wara l-whistleblower tal-Bank Pilatus Maria Efimova, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti arrestaw lil sid il-bank.
Fi stqarrija, Matthew,  Andrew, u Paul Caruana Galizia qalu li l-awtoritajiet Maltin naqsu milli jżommu lil Ali Sadr Hashemi Nejad responsabbli ta' għemilu u ħallew lil Daphne Caruana Galizia tagħmel dan waħedha.
Huma kienu qed jirreaġixxu għall-aħbar tal-arrest tas-sid u ċ-ċermen tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hashemi Nejad.
Skont ulied Daphne Caruana Galizia, Hashemi Nejad kien jhedded lill-ommhom il-ħin kollu. Hu kien qed jallega li għamlet ħsara lir-reputazzjoni tal-Bank Pilatus.
Huma fakkru kif f’Mejju tal-2017, Hashemi Nejad fetaħ kawża ta’ $40 miljun fil-konfront tagħha fl-Istati Uniti. Dan il-każ ġie rtirat minnu stess jum wara li ġiet assassinata.
Ulied Daphne Caruana Galizia qalu li “l-Awtoritajiet tal-Istati Uniti issa temmew l-impunità li biha kien jopera Hashemi Nejad. L-azzjoni tagħhom ġġustifikat il-ħidma ta’ ommna, però hija azzjoni li ġiet bi prezz għoli ħafna. Waħda mis-sorsi ta’ ommna, li kienet taħdem il-Bank Pilatus, issa qiegħdha ġewwa ċella f’Ateni, u ommna hija mejta.”
Fi kliem Matthew, Andrew, u Paul Caruana Galizia filwaqt li l-Pulizija Maltija kienet qed tiġri wara Efimova fuq akkużi foloz dwar xi ftit mijiet ta’ Ewro, l-eks ħaddiema tagħha qed jiffaċċja akkużi dwar il-ħasil ta’ miljuni ta’ flus. Qalu li dan huwa każ ċar tal-falliment tal-istituzzjonijiet Maltin.
It-tfal ta’ Caruana Galizia żiedu jgħidu li sakemm ma jkunx hemm inkjesta indipendenti fil-falliment fl-istituzzjonijiet Maltin, Malta se tibqa’ tkun post ta’ kenn għal persuni bħal Ali Sadr Hashemi Nejad.
Fl-istqarrija tagħhom, it-tfal tal-ġurnalista assassinata qalu li qed jisperaw li fl-aħħar issir ġustizzja fil-konfront ta’ Hashemi Nejad.
Temmew jgħidu li xtaqu li kieku ommhom, li kienet investigat il-Bank Pilatus, kienet ħajja biex tara x’inhu jiġri.
Ritratt: Reuters
 Aqra iktar dwar l-iżviluppi tal-każ
L-MFSA ma tirrevokax il-liċenzja ta' Pilatus Bank; tkeċċi lis-sid
L-MFSA hija responsabbli għas-superviżjoni tal-banek lokali – ECB
"L-Amerikani ilhom jafu, aġixxew biss illum" – Il-PM
Pilatus Bank: Neħħu l-liċenzja llum – PN; il-PM m'għandux poter – PL
Filmat: Pilatus maqjel tal-kriminalità; pulizija jintlemħu fil-Bank – attivisti
X’qalu l-MPs dwar Pilatus Bank fil-Parlament?

Pilatus Bank: X’qed jgħidu fuq l-arrest ta' sid il-bank?
Bdew jinvestigawh qabel ingħata l-liċenzja f’Malta
Filmat: "Kont naf li se tiġri; Min se jerfa' r-responsabbiltà?" – Ferris
Ritratti: “Iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma” – sinjali quddiem il-Bank Pilatus u l-FIAU
Itennu għar-riżenja tal-Kummissarju llejla