Il-Maltin jiġġieldu fuq li qal NAS Daily

Fl-aħħar jiem, il-vlogger Nusser Yasin ta’ Nas Daily irnexxielu jqajjem kontroversji kbar u diskussjonijiet jaħarqu, hekk kif ħafna Maltin issuġġerew dwar xiex għandu jiffoka fil-filmati dwar Malta li qed itella’ fuq il-midja soċjali.
Nas Daily għandu jitkellem dwar l-assassinju ta’ Daphne?
Hekk kif il-ġranet qed joqorbu dejjem aktar lejn l-avveniment kbir li NAS Daily qed jorganizza f’Malta nhar is-Sibt li ġej, bosta Maltin qed jitlobuh sabiex juża l-filmati tiegħu biex jitkellem dwar il-ħelsien tal-kelma u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, b’relazzjoni mal-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Għaldaqstant, min-naħa tiegħu, il-vlogger saħaq li minkejja li meta sema’ dwar dan l-assassinju f’Malta baqa’ xxukkjat, ma jridx li juża l-filmati tiegħu sabiex jitkellem dwar politika u gvernijiet.
Għal din ir-risposta, bosta segwaċi tal-vlogger kienu ddiżappuntati, u saħansitra kien hemm min sostna li d-diskussjoni dwar il-ħelsien tal-kelma u l-protezzjoni tal-ġurnalisti mhix xi ħaġa li taqa’ taħt il-Gvern, iżda xi ħaġa li għandha x’taqsam mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Saħansitra, kien hemm persuna li staqsiet lil Yasin jekk hux qed jinsinwa li l-każ ta’ Caruana Galizia għandu x’jaqsam mal-Gvern jew politika, u għaldaqstant jafx xi ħaġa li l-poplu Malti għadu ma jafx dwar il-każ.

Nas Daily jinkoraġġixi li Oh My Malta turi wkoll il-ħażen tal-pajjiż
Oh My Malta we can do better,” dawn kienu l-kliem tal-vlogger ta’ Nas Daily f’kumment fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.
Minkejja li Yasin qal li hu ma jħossx li għandu xi valur xi jżid mad-dibattitu tal-ħelsien tal-kelma sostna li l-hashtag li beda hu f’Malta, #ohmymalta, għandha mhux biss tintuża biex turi t-tajjeb ta’ Malta iżda wkoll il-ħażin li wieħed jaffaċċja fil-pajjiż.
Madanakollu hemm oħrajn li jammirawh
Iżda mal-ħażin wieħed isib ukoll it-tajjeb, hekk kif bosta kienu dawk li rringrazzjaw lil Nas Daily tax-xogħol u l-prominenza li qed jagħti lil Malta fil-filmati tiegħu, u talli qed iqajjem kuxjenza fuq suġġetti li forsi ħafna qas biss jikkunsidraw li jiddiskutu.