Il-Maltin jiddiskriminaw ma’ 33% tal-immigranti minħabba l-ġilda tagħhom

33% tal-immgranti Afrikani f’Malta huma ddiskriminati minħabba l-kulur skur tal-ġilda tagħhom, u 20% rrappurtaw li ġew ittrattati differenti f’sitwazzjoni f’ħajjithom minħabba l-oriġini etniċi tagħhom.
Dawn ir-riżultati ġew ippubblikati fl-aħħar studju mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Second European Union Minorities and Discrimination Survey, li ħa madwar 25,500 persuna f’pajjiżi fl-UE, u li sar bejn l-2015 u l-2016.
Is-sejbiet ġew ippubblikati f’Diċembru li għadda.
F’Malta wieħed minn kull ħames persuni li ġew intervistati qalu li ġew iddiskriminati f’wieħed minn dawn l-oqsma tal-ħajja: meta kienu qed ifittxu xogħol, waqt il-ħin tax-xogħol, meta kienu qed ifittxu fejn joqogħdu u meta tkellmu ma’ skejjel bħala ġenituri.
Ir-rata fl-UE kienet ogħla, hekk kif 40% ta’ dawn il-persuni qalu li ġew iddiskriminati f’wieħed minn dawn l-oqsma sa ħames snin qabel ma sar is-sondaġġ.
Ir-rapport ikompli juri kif f’Malta 20% wieġbu li ħassew diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol minħabba li huma immgranti, u 15% ħassewha waqt ix-xogħol. F’livell Ewropew, 29% qalu li ddiskrminawhom meta kienu qed ifittxu xogħol, u 22% waqt ix-xogħol.
Ir-riżultati wrew ukoll li vera ftit tal-persuni rrappurtaw każ ta’ diskriminazzjoni. Fuq livell Ewropew dan kien ta’ 12%, u f’Malta 11%.
Dan jissaħħaħ mill-fatt li fuq livell Ewropew 27% biss tal-immigranti jafu bl-organizzazzjonijiet li joffru sapport, u f’Malta terġa’ 12% biss.
“Huwa illegali li tiddiskrimina minħabba kulura tal-ġilda” – NCPE
B’reazzjoni għal dar-rapport, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) qalet li huwa illegali li tiddiskrimina minħabba l-kulur tal-ġilda jew ir-razza ta’ dak li jkun, u stiednet lil kull min iħossu ddiskriminat minħabba f’hekk biex jikkuntattjaha.
Semmiet li ta’ spiss torganizza laqgħat ta’ informazzjoni u taħriġ fuq id-diversità u l-ugwaljanza lil diversi entitajiet pubbliċi u privati.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-parteċipazzjoni ta’ kull persuna f’soċjetà tkattar lis-soċjetà nnifisha, u d-diskriminazzjoni xxekkel l-iżvilupp tal-potenzjal sħiħ ta’ dak li jkun.
Ara r-rapport sħiħ hawn taħt.
Ritratt: Arkivji