Il-Maltin jiċċelebraw il-festa ta’ San Patrizju

Illum qed tiġi ċċelebrata St. Patrick’s Day. Din hija festa reliġjuża u kulturali ad unur il-qaddis San Patrizju, il-qaddis padrun tal-Irlanda.

Din il-ġurnata kienet uffiċjalment iddikjarata festa reliġjuża fis-seklu sbatax u hija osservata mill-Kattoliċi, mill-Anglikani, mill-Ortodossi u mil-Luterani. Il-ġurnata tal-lum tfakkar lil San Patrizju bħala l-appostlu tal-Irlanda li ġab il-wasla tal-Kristjaneżmu fl-Irlanda. Ma’ dan, fil-ġurnata tal-lum, l-Irlandiżi jiċċelebraw il-wirt u l-kulturà tagħhom.

Fost iċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru f’din il-ġurnata nsibu festivals u parati. Karatteristika ewlenija ta’ din il-ġurnata hi marbuta mal-kulur aħdar fl-ilbies. Il-werqa tax-shamrock hija wkoll assoċjata ma’ din il-ġurnata. Huwa mifhum li San Patrizju uża din il-werqa, li għandha tliet petali, biex ifiehem it-Trinità lill-pagani.

Il-birra hija sinonima ma’ din il-festa, anki taħt forma ta’ kostumi li jilbsu dawk li jiċċelebraw dan il-jum. Il-Maltin, anki jekk għalihom mhix festa pubblika, xorta jiċċelebraw. Għadd ta’ nies dalgħodu ħadu sehem ukoll f’parata fil-Belt Valletta.