Il-Maltin jibżgħu li jibqgħu mingħajr mowbajl

Fil-vokabolajru Malti daħlet il-kelma Nomofobija, din mhi xejn ħlief il-biża li persuna tispiċċa mingħajr il-mowbajl.

Għalkemm wieħed jaħseb li din il-biża hija xi ċajta, fil-verita huma ħafna dawk li jesperjenzaw din il-fobija.

Servej Ewropew juri li huma 54% il-persuni li jibżgħu li jibqgħu mingħajr il-mowbajl.

Huma 42% dawk li l-mowbajl jeħduh magħhom ħdejn il-baħar.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ ħanut ewlieni tat-telefonija f’Malta fejn jirriżulta li f’ġimgħa jbiegħ aktar minn 50 mowbajl ġdid.

Dan apparti l-ammont konsidervoli ta’ mowbajls li l-Maltin jixtru mill-internet. Il-propjetarju ta’ dan il-ħanut f’Bormla qalilna li l-aktar li jixtru mowbajls ġodda huma ż-żgħażagħ li għandhom eta’ bejn l-20 u l-35 sena.

Stqarr li l-Maltin huma interessati l-aktar fl-ismartphones, b’mod speċjali l-aktar mudelli avvanzati fosthom dawk bis-sistemi Android u iOS.

Sal-lum madwar id-dinja inbiegħu 100 miljun mowbajl Micromax, 55 miljun mowbajl Samsung u 37 miljun iPhone.

Mill-aħħar statistika tal-Awtorita’ ta’ Malta għall-Komunikazzjoni jirriżulta li matul l-2012, kien hemm żieda ta’ 3.4% fl-abbonamenti għal servizzi ġodda tal-mowbajl.

B’kollox huma 539,000 il-mowbajls f’Malta.

Matul is-sena li għaddiet saru 367 miljun telefonata u ntbagħtu aktar minn 633 miljun sms.