Il-Maltin jgħixu f’post fejn il-korruzzjoni hija normali – awtur Kanadiż

Awtur Kanadiż li kiteb dwar l-aħħar żviluppi politiċi f’Malta qal li l-Maltin jgħixu f’post fid-dinja fejn il-korruzzjoni, li ta’ spiss tkun akkumpanjata mill-vjolenza, hija normali.

Il-ħsibijiet tal-awtur Gwynne Dyer ġew ippubblikati fil-gazzetta Kanadiża Lethbridge Herald li ilha mwaqqfa mill-1905.

Dyer qal li l-Maltin jgħixu f’post fejn il-gvernijiet ta’ sikwit ikunu kkontrollati mill-ħallelin. Qal li wieħed jista’ jara elementi minn din it-tradizzjoni fl-aħħar żviluppi f’Malta. Qal li l-istituzzjonijiet Maltin xi ftit jew wisq qed jaħdmu kif suppost biex inaddfu l-ħmieġ, però żied jgħid li dan grazzi għall-Unjoni Ewropea.

Dyer iddeskriva lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia bħala “l-aqwa ġurnalista investigattiva f’Malta”. Fakkar kif il-persuni li allegatament skattaw il-bomba ġew arrestati fl-2017 imma li ma kixfux min ordna l-qtil. Semma’ kif fl-2019 inqabad is-sensar Melvin Theuma li beda jitkellem dwar x’jaf.

Lethbridge Herald

Dyer kiteb li Theuma talab għall-assistenza ta’ żewġ avukati li huma MPs tal-PN li rrifjutaw li jirrapreżentawh. Qal li Theuma kien jaf li kellu bżonn għajnuna fuq livell politiku. Kompla jgħid kif imbagħad ġie arrestat Yorgen Fenech li qed jgħid li Keith Schembri huwa l-moħħ wara l-assassinju.

L-awtur iddeskriva dak li qed jiġri f’Malta bħala bażi tajba għal xi novella dwar il-kriminali.

Il-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia wera x’jintilef meta l-libertajiet tal-midja jitkissru, skont l-aktar regolatur għoli tal-midja fir-Renju Unit. Sir Alan Moses qal dan waqt intervista li kellhu mat-Times tar-Renju Unit.