Il-Maltin iridu jqisu l-attitudni tagħhom dwar il-barranin – GWU

Miguela Xuereb

Il-General Workers’ Union (GWU) sostniet li s-soċjetà Maltija hemm bżonn tibda tqis l-attitudni tagħha u kliemha lejn persuni li huma barranin. Qalet dan b’mod speċjali għall-mod kif il-Maltin qed jirreaġixxu għal sitwazzjonijiet li jinħolqu fil-pajjiż li jinvolvu persuni barranin.

L-union kienet qed tikkummenta wara l-każ tat-Tnejn li għadda li wassal għall-arrest ta’ 60 persuna mit-300 immigrant li ħadu sehem fl-irvell li seħħ fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far. Fl-irvell weġġa’ Pulizija u l-immigranti taw in-nar lil tliet karozzi.

Aqra: Immigranti Ħal Far: Tħallew bil-ġuħ; jingħataw l-ikel mill-NGOs

L-union insistiet li huwa deplorabbli li persuna tipprova toħloq klima ta’ mibgħeda razzjali kontra persuni li qed jippruvaw jibnu ħajjithom. Sostniet li n-nuqqas ta’ attenzjoni u responsabbiltà ta’ x’jinkiteb, x’jingħad u kif jingħad hija ta’ theddida għall-fibra soċjali li ssawret fil-pajjiż. Filwaqt li insistiet li l-inċidenti li seħħew huma kundannabbli u ħadd ma jista’ jkun ‘il fuq mil-liġi, sostniet li l-media hija responsabbli sabiex ma tiffermentax il-mibgħeda kontra l-barranin.

Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja irrimarka li l-ħidma tal-union qatt ma għamlet distinzjoni bejn il-ħaddiema li tiddefendi. Qal li ma tħarisx lejn kulur ta-ġilda, twemmin politiku jew reliġjuż. L-Union se tkompli taħdem favur politika ta’ integrazzjoni mibnija fuq rispett reċiproku bejn id-diversi komunitajiet.

Aqra: Irvell Ħal Far: Il-Gvern se jħallas għall-karozzi li nħarqu

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca wkoll kienet wissiet kontra l-kliem ta’ mibegħda wara l-irvelli li kien hemm fiċ-ċentru ta’ Ħal Far. Hi qalet li f’demokrazija, id-dritt għall-espressjoni ħielsa huwa sagru. Qalet li kliem ta’ mibgħeda huwa abbuż ta’ dan id-dritt. Appellat lin-nies biex jużaw il-midja soċjali b’mod rispettuż.

Aqra: Irvelli Ħal Far: Coleiro Preca twissi dwar il-kliem ta’ mibegħda

Matul din il-ġimgħa, aktar minn 80 immigrant tressqu l-Qorti b’rabta ma’ dan l-irvell. Fit-22 ta’ Ottubru, 16-il immigrant wieġbu ħatja u ġew ikkundannati sitt ġimgħat ħabs. Fit-23 ta’ Ottubru 26 immigrant ieħor wieġbu mhux ħatja, imma baqgħu jinżammu taħt arrest.

Aqra: Irvell Ħal Far: 60 arrestati minn 300 li ħadu sehem