Il-Maltin ir-raba’ fl-ewwel turnament tal-Hockey 5’s

L-ewwel turnament tal-Hockey 5's intemm bit-tim nazzjonali Taljan tat-tfajliet jirbaħ il-kompetizzjoni femminili bi skor ta' 3-0 fuq it-Turkija. 
It-tim Kroat tat-tfajliet għeleb lit-tim Malti 4-0 fil-logħba għat-tielet u r-raba' post bil-Maltin ifallu diversi okkażjonijiet ta' skor. 
Il-viċi President tal-EHF Carola Meyer ippreżentat il-midalji tad-deheb lit-tim rebbieħ bil-midalji tal-fidda u tal-bronż ippreżentati minn Natalie Busuttil Leaver u Victoria Tabone. 
L-aqwa plejer femminili tat-tournament kienet it-Taljana Sara Puglisi.
Il-finali tas-subien kienet eċitanti ħafna biż-żewġ timijiet jagħtu l-aqwa tagħhom bil-logħba ssir waħda nervuża lejn it-tmiem. 
It-Torok ħarġu rebbieħa 7-3 billi skorjaw 4 gowls fl-aħħar sessjoni tal-logħba wara li kienu żewġ gowls minn taħt fil-bidu tal-logħba. 
Fil-logħba għat-tielet u r-raba' post it-tim Malti ġie megħlub mit-tim Sloven 3-1 biex it-tim Malti spiċċa fir-raba' post. 
Il-midalji tal-bronż ġew preżentati mill-maniġer tal-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-EHF Norman Hughes waqt li l-midalji tal-fidda ġew preżentati mill-maniġer tal-umpires Rob Ten Cate. 
Chris Busuttil Leaver u t-tournament director David Agius qassmu l-midalji tad-deheb lir-rebbieħa. 
L-aqwa plejer mis-sezzjoni tas-subien kien Mario Llinovic mill-Kroazja.
Dan it-turnament ġie organizzat fuq inizjattiva tal-EHF biex tinkoraġġixxi iktar żgħażagħ jilagħbu din il-logħba ġdida.