Read in English.
Il-Maltin li bħalissa qegħdin barra minn Malta qed jiġu mħeġġa mill-Gvern biex jiġu lura Malta sal-Ħadd 12 ta’ April.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li dan l-appell qed isir fid-dawl tat-tixrid li dejjem jiżdied tal-COVID-19 u tal-limiti li dejjem qed jiżdiedu biex wieħed isiefer minn ajruporti barra minn Malta.
Intqal li l-Maltin jistgħu jmorru lura Malta permezz ta’ titjiriet minn Heathrow f’Londra jew l-ajruport maġġuri ta’ Frankfurt.
“Dawn jistgħu jagħmlu użu minn kwalunkwe titjira kummerċjali disponibbli. L-itinerarju tat-titjira flimkien ma’ kopja tal-passaport, għandhom jintbagħtu fuq sitcen.mfea@gov.mt. B’hekk wieħed ikun jista’ jirriserva t-titjira ta’ ripatrijazzjoni tiegħu minn Heathrow f’Londra jew minn Frankfurt. Persuni li jagħżlu li jibqgħu barra mill-pajjiż wara t-12 ta’ April 2020, jieħdu r-responsabbiltà tar-riskju fuqhom. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ma jistax jiggarantixxi r-ripatrijazzjoni wara din id-data.
“Dan t’hawn fuq japplika wkoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess Malti validu ta’ residenza. Biex wieħed jirriserva titjira ta’ ripatrijazzjoni hemm bżonn ta’ kopja tal-passaport u tal-karta tar-residenza. Din għandha tintbagħat flimkien mal-itinerarju tat-titjira fuq sitcen.mfea@gov.mt
“Dawk il-persuni li ma jistgħux jivvjaġġaw minħabba lockdowns imposti, għandhom jinfurmaw minnufih lill-Ministeru fuq sitcen.mfea@gov.mt Dawk li diġà huma rreġistrati mal-Ministeru qed ikunu mħeġġa wkoll jibagħtu email bl-aġġornament tal-istatus attwali tagħhom,” qal il-Ministeru.
Iċ-Ċentru ta’ Sitwazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Affarijiet Ewropej huwa disponibbli mit-08:00 sat-20:00hrs, mit-Tnejn sal-Ħadd u jista’ jintlaħaq bit-telefon fuq 00356 2204 2200. Ir-riservazzjonijiet għal titjiriet ta’ ripatrijazzjoni se jkunu aċċettati biss bl-email.