Il-Maltin iħaddnu l-prinċipji tal-multi-kulturaliżmu imma mhux fil-prattika – studju

Riċerka li saret minn lecturer tal-Università ta’ Malta turi li Malta fadlilha fejn taqdef biex issir soċjetà multi-kulturali.
Studju ta’ Dr Gordon Sammut, mid-Dipartiment tal-Psikoloġija, juri li għalkemm il-Maltin iħaddnu l-prinċipji tal-multi-kulturaliżmu, ftit għandhom ħbieb minn kulturi differenti, id-diversità mhix meqjusa bħala xi ħaġa pożittiva, hemm perċezzjonijiet negattivi dwar l-Għarab, u tnejn minn kull tliet Maltin iqisu l-immigrazzjoni bħala theddida għall-kultura Maltija.
Ir-riżultati tal-istudju tħabbru waqt lecture organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għat-Titjib tas-Soċjetà, li saret mill-Professur Colleen Ward mill-Università ta’ Wellington fi New Zealand.
Skont il-Professur Ward, il-multi-kulturaliżmu fl-Ewropa qatt ma ntlaħaq għax mhux meqjus b’mod pożittiv, u lanqas għandu l-appoġġ ta’ politika u programmi li jilħqu lil kull grupp etniku fil-kontinent.
Mir-riċerka tagħha fi New Zealand, fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti, joħroġ li l-esperjenza ta’ kuljum tal-multi-kulturaliżmu huma meqjusa b’mod pożittiv fit-tliet pajjiżi, kemm fuq bażi individwali kif ukoll għas-soċjetà.