Il-Maltin iddiżapuntati

Fl-aħħar logħba f’Ta’ Qali, għall-kwalifikazzjoni tad-Tazza tad-Dinja li se ssir fil-Brażil fl-2014, il-Maltin ħarġu diżapuntati.

Quddiem attendenza mhux daqstant kbira, Malta ġarbet l-ewwel gowl wara ftit inqas minn tlett minuti.  Il-gowl wasal minn xutt ta’ Hubschman li ħabat ma’ Rowen Muscat u fit-tentattiv tiegħu Haber ma setax isalva.

Minkejja li l-Maltin kellhom xi okkażjonijiet interessanti, fit-33 minuta Lafata għamilhom 2-0.  Dan bir-ras antiċipa lil Haber wara li rċieva ballun minn fuq il-lemin.

Żewġ minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima, Michael Mifsud li kien qed jilgħab il-100 logħba, irċieva ballun tajjeb mingħand Roderick Briffa u tefá l-ballun fix-xibka.

Il-ferħ tal-Maltin ma damx iktar minn erba’ minuti għax Kadlec bit-takkuna skurja t-tielet gowl faċilment.

Fl-aħħar sekondi tal-partita, is-sostitut Pekhart ta d-daqqa mortali u għamel l-iskor finali 4-1 għaċ-Ċeki.