Il-Maltin huma l-iktar li jgħixu fl-Ewropa

Il-Maltin flimkien mal-Iżvediżi huma l-iktar li jgħixu fl-Ewropa. Dan jirriżulta minn stħarriġ li sar mill-OECD u l-Kummissjoni Ewropea bit-titlu 'Health at a Glance 2014'.
L-irġiel u n-nisa Maltin jgħixu medja ta’ aktar minn 70 sena, meta l-medja fl-Unjoni Ewropea hija 62 sena.
Ir-rapport jgħid li 80% tan-nisa Maltin jibqgħu jgħixu fi stat ta’ saħħa tajba fix-xjuħija filwaqt li għall-irġiel din titla’ sa’ 90%.
Kollox jindika li l-Maltin qed jgħixu aktar għaliex il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa li jingħataw f’Malta huma ta’ livell għoli.
Dan meta l-medja tal-ħajja fl-Ewropa niżlet bejn l-1992 u l-2012.
Fl-anzjanità huma n-nisa Maltin li jgħixu aktar mill-irġiel b’21% mqabbel mas-17% għall-irġiel.
L-edukazzjoni wkoll tilgħab rwol importanti biex persuna tgħix aktar.
Dan għaliex it-tagħlim fuq dieta mediterranja tajba u tagħrif dwar il-mard infettiv jgħin biex il-persuni, b’mod speċjali l-anzjani jgħixu ħajja itwal.
Mir-rapport jirriżulta wkoll li l-iktar li jimirdu huma l-Latvjani segwiti mil-Litweni u l-Bulgari. Il-mard relatat mal-qalb huwa komuni fost il-Maltin, b’medja li hija ogħla minn dik Ewropea.
L-istess f’imwiet relatat mal-kanċer fejn il-medja ta’ Malta hija ogħla minn dik Ewropea u fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea, flimkien mad-Danimarka, l-Irlanda u l-Belġju. L-ikbar inċidenza hija relatata mal-kanċer fis-sider.
Mill-banda l-oħra, l-inċidenza tal-kanċer fil-prostata hija l-inqas waħda f’Malta u l-ħames l-inqas għall-kanċer fil-pulmun.
Mill-imwiet relatati mill-forom kollha tal-kanċer, Malta tinsab fit-8 post fost it-28 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.