Il-Maltin ħerqana li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej – Ewrobarometru

EU Infographic 2

Bħal-lum sena, Malta flimkien mal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea se tkun qed tivvota għall-Parlament Ewropew.
Hekk kif l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fadlilhom sena, kienet ippublikata edizzjoni speċjali tal-Ewrobarometru.
Dan l-istħarriġ juri reazzjonijiet differenti għal issues partikolari. Dawn iċ-ċifri huma rilevanti kemm għall-Parlament Ewropew kif ukoll fuq livell nazzjonali. Fuq livell lokali, 49% tal-Maltin iħossu li l-vuċi tagħhom fl-Ewropa tinstema' filwaqt li 57% iħossu li l-vuċi tagħhom f'Malta tgħodd. B'kuntrast, 80% tad-Daniżi jħossu li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-Ewropa filwaqt li 93% iħossuhom mismugħha f'pajjiżhom.
93% tal-Maltin iħossu li s-sħubija fl-UE kienet ħaġa tajba, aktar mill-medja Ewropeja li huma biss 2 minn kull tlieta li jħossu dan.
Dan huwa aktar enfasizzat meta tqis li 42% tal-Maltin iħossu li l-affarijiet fl-UE sejrin tajjeb filwaqt li l-istess persentaġġ ta' Ewropej iħossu bil-kontra.
Il-Maltin għandhom ħeġġa kbira għall-elezzjonijiet bi 88% jgħidu li l-vot fl-elezzjonijiet Ewropej huwa importanti għalihom. Il-Maltin iħossu li dan il-vot juri appoġġ lill-Gvern.
52% iħossu li jekk jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej ikunu qed jappoġġjaw  lill-Gvern filwaqt li 11% iħossu li bil-vot tagħhom ikun qed jesprimu ruħhom kontra l-Gvern. Il-Maltin huma ġeneralment sodisfatti bil-mod kif titħaddem id-demokrazija fl-UE,  iżda f'dan il-każ hemm bilanċ bejn dawk li huma sodisfatti, 46%, u dawk li ma humiex 42%.
Il-Maltin iħossu li l-immigrazzjoni, il-bidla fil-klima u l-ambjent, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija huma l-aktar kwistjonijiet importanti li għandhom jiġu diskussi.
Dan jitqabbel sew ma’ dak li qalu l-Ewropej iżda b’differenza waħda: fl-Ewropa il-qagħad u l-ekonomija huma ħafna aktar importanti milli huma għall-Maltin.
Dwar l-iSpitzenkandidat, il-Maltin li wieġbu li jħossu li dan jagħmel sens biss jekk ikun hemm ukoll dibattitu dwar il-ġejjieni tal-UE.
Qalu li dan għandu jġib aktar trasparenza fil-ħatra tal-President tal-Kummissjoni, issaħħaħ id-demokrazija u l-leġittimità tal-Kummissjoni Ewropea.