Il-Maltin ħassewhom aktar waħedhom tul il-pandemija – studju

Il-Maltin bdew iħossuhom aktar waħedhom tul il-pandemija tal-coronavirus, b’21% biss jgħidu li qatt jew kważi qatt ma ħassewhom waħedhom f’dawn l-aħħar xhur.

Dawn ir-riżultati ħarġu minn studju mwettaq fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università, mid-Dekan Prof. Andrew Azzopardi, Prof. Marilyn Clark u s-Sa Jamie Bonnici. L-istudju sar permezz ta’ kwestjonarju online, li fih ipparteċipaw 906 parteċipant ta’ 18-il sena u aktar.

90% mill-parteċipanti kienu Maltin, filwaqt li n-nazzjonalitajiet tal-bqija tal-parteċipanti varjaw. L-iżjed li pparteċipaw fl-istudju kienu n-nisa, bi 82%, 17% kienu rġiel u 1% identifikaw bħala ġeneru “ieħor” jew ġeneru mhux speċifiku. L-awturi kkummentaw li dan l-iżbilanċ fost is-sessi huwa komuni fil-kwestjonarji li jsiru fuq bażi volontarja, u għalhekk, jirrikonoxxu l-fatt li l-irġiel mhumiex rappreżentati b’mod ġust f’dan l-istudju. Madankollu, huma kunfidenti li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ rġiel ma tfixkilx ir-riżultati miksubin.

L-istudju juri li aktar minn disa’ persuni minn kull għaxra ħassewhom waħedhom. L-aktar li jħossuhom waħedhom ta’ sikwit huma ż-żgħażagħ li għandhom bejn 18 u 24 sena, peress li 62% minnhom wieġbu li jħossuhom waħedhom dejjem, ħafna drabi jew xi kultant. Warajhom, l-aktar li wrew dawn l-emozzjonijiet kienu dawk li għandhom bejn 25 u 34 sena, li 44% wieġbu li jħossuhom hekk ta’ sikwit.

Il-kwestjonarju sar bejn id-29 t’April u l-11 ta’ Mejju, jiġifieri meta l-miżuri restrittivi meħudin biex jikkontrollaw l-imxija tal-coronavirus kienu għadhom ma ġewx illaxkati. Kien rakkomandat li n-nies jevitaw li jiltaqgħu, u setgħu jiltaqgħu fi gruppi ta’ massimu ta’ sitt persuni mill-1 ta’ Mejju ‘l quddiem.

Studju identiku sar mill-istess Fakultà sena qabel, għalhekk ir-riżultati taż-żewġ kwestjonarji ġew ikkumparati sabiex jidher kemm l-imxija tal-coronavirus affettwat lin-nies f’dan ir-rigward, madankollu r-riċerkaturi nnutaw li l-istudju ta’ din is-sena ma jistax jitqies li jirrappreżenta lill-popolazzjoni kollha.

L-iżjed qabżiet sinifikanti li kien hemm fir-riżultati ta’ din is-sena f’kuntrast ma’ tas-sena li għaddiet kienu fost dawk li għandhom inqas minn 19-il sena, peress li kien hemm żieda ta’ 39% li sikwit iħossuhom waħedhom. 43% tal-parteċipanti li għandhom bejn 20 u 24 sena wieġbu li jħossuhom waħedhom, mentri fl-istudju tas-sena li għaddiet, ħadd fost il-parteċipanti ta’ dawn l-etajiet ma wieġbu hekk.

B’hekk jidher li l-iżgħar nies li pparteċipaw f’dan il-kwestjonarju huma dawk li jbatu l-aktar minn emozzjonijiet ta’ solitudni.

Ir-riċerkaturi nnutaw ukoll fl-analiżi tagħhom li l-barranin li jgħixu f’Malta jħossuhom waħedhom aktar ta’ sikwit mill-Maltin. Qalu li jista’ jkun li dawn iħossuhom hekk peress li għandhom aċċess aktar limitat għall-ħbieb jew għall-familja, peress li jgħixu f’pajjiż ieħor.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn