“Il-Maltin għażlu lill-PL għax ma jridux mentalità klassista”- deputati PL

Il-membri parlamentari Laburisti Rosianne Cutajar u Stefan Zrinzo Azzopardi qalu li mhux veru li l-Maltin tilfu l-valuri tagħhom.
Għall-kuntrarju, meta vvutaw għall-Partit Laburista, il-Maltin għamlu għażliet ċari lejn il-valuri tal-ugwaljanza, il-ġustizzja, il-ħajja u l-ambjent.
Huma għaddew dawn il-kummenti b’reazzjoni għal kummenti mid-deputat Nazzjonalista David Stellini, li ġew deskritti bħala “kummenti klassisti tal-imgħoddi”.
Qalu li l-Maltin tant għandhom għal qalbhom il-valuri, li vvotaw favur drittijiet ċivili mingħajr preċedent, liġijiet kontra l-vjolenza domestika u oħrajn favur il-ġustizzja.
Cutajar u Zrinzo Azzopardi aċċennaw ukoll għar-riformi li saru fil-qasam tad-droga u tal-IVF. Saħqu li l-Maltin għażlu l-valur tal-opportunitajiet anke fejn jidħol l-ambjent, l-edukazzjoni u l-pensjonijiet.
Temmew jgħidu li dan l-Partit Laburista huwa moviment qawwi li qed ikompli jimxi ‘l quddiem.