Il-Maltin fost l-iktar nies kuntenti bir-relazzjonijiet tagħhom

Il-Maltin huma fost l-iktar nies sodisfatti bir-relazzjonijiet personali tagħhom miċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

Skont l-istatistika tal-Eurostat ibbażata fuq is-sena 2018, Malta, l-Awstrija u s-Slovenja għandhom l-ikbar numru ta’ abitanti ta’ ’l fuq minn 16-il sena li huma l-iktar kuntenti bir-relazzjonijiet personali tagħhom b’medja ta’ 8.6 fuq massimu ta’ 10 punti. Fit-tarf l-ieħor ta’ din il-klassifika hemm il-Bulgarija b’medja ta’ 6.6.

Malta ġiet fid-9 post fiż-żewġ klassifiki l-oħra li jkejlu dwar kemm in-nies huma sodisfatti b’mod ġenerali b’ħajjithom kif ukoll kemm huma sodisafatti bil-qagħda finanzjarja tagħhom. Il-medja ta’ kemm il-Maltin huma sodisfatti b’mod ġenerali hija 7.5 li huwa ftit iktar mill-medja ta 7.3. L-iktar pajjiż li għandu medja għolja ta’ livell ta’ sodisfazzjon b’mod ġenerali huwa l-Finlandja b’medja ta’ 8.1 segwit mill-Awstrija b’medja ta’ 8. Fin-naħa t’isfel tal-klassifika għal darb’oħra hemm il-Bulgarija b’medja ta’ 5.4 kif ukoll il-Kroazja b’medja ta’ 6.3. L-akbar żieda mis-sena 2013 fil-livell tas-sodisfazzjon tan-nies  seħħet f’Ċipru fejn il-medja telgħet minn 6.2 għal 7.1.

Malta qiegħda wkoll fid-9 post fejn jidħol is-sodisfazzjoni bil-qagħda finanzjarja fejn irreġistrat medja ta’ 6.8 li huwa 0.3 punti perċentwali ogħla mill-medja. Malta kellha fost l-ogħla żieda mill-aħħar statistika tal-2013 b’żieda ta 0.8 punti perċentwali. It-tliet pajjiżi Skandinavi: id-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżvezja huma l-ewwel tliet pajjiżi ta’ din il-klassifika.