Il-Maltin fost l-aktar ottimisti fl-Ewropa

L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea fost l-azjendi u l-konsumaturi reġa’ wera li Malta għandha l-ogħla livell ta’ ottimiżmu fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Fl-istess ħin, għall-għaxar xahar konsekuttiv, f’Marzu pajjiżna kellu l-aqwa livell ta’ ottimiżmu fost il-pajjiżi taż-żona Ewro.
L-indiċi tas-sentiment ekonomiku laħaq il-livell ta’ 116, jew 16% aktar mill-medja reġistrata kemm ilu jiġi mkejjel dan l-indikatur.
F’Marzu operaturi fis-settur tas-servizzi esprimew l-ogħla livell ta’ kunfidenza fl-aħħar ħames snin.
Fi stqarrija, l-Gvern temm jgħid li huwa kommess li jkompli jaħdem biex dan l-ottimiżmu tal-azjendi u l-familji jissarraf f’aktar riżultati pożittivi.