Aġġornata: Irridu nġibu lill-Maltin mil-Libja Malta

Maltin Libja mhux periklu
Arkivji

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern Malti biex jieħu l-miżuri li hemm bżonn biex il-Maltin li qegħdin il-Libja jinġiebu Malta. Il-PN qal li l-Gvern jidher li mhuwiex ippreparat fil-konfront ta’ din is-sitwazzjoni.

Fi stqarrija, il-Partit qal kif l-Ambaxxatur għal-Libja Carmelo Saliba ammetta li l-Maltin ittraskuraw dak li għaddej minnu l-poplu Libjan.

Skont il-Partit Nazzjonalista, il-Gvern qed jissogra ħajjet iċ-ċittadini Maltin li jinsabu fil-Libja.

Dan wara li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin spjega li l-Maltin li bħalissa jgħixu fil-Libja ma humiex fil-periklu, fid-dawl tal-ġlied li nqala’ dan l-aħħar, b’mod partikulari fi Tripli.

Fl-istqarrija l-Ministeru spjega li l-Gvern Malti jinsab f’kuntatt mal-Maltin kollha fil-Libja u s-sitwazzjoni qed tiġi mmonitorjata mill-viċin.

Il-Ministeru ħabbar ukoll li jekk hemm xi Maltin jixtiequ jikkuntattjaw lill-Ministeru dan għandu jseħħ permezz tat-telefown fuq in-numru (+356) 21 242 191.

Il-PN iħares lejn il-kulur biss – il-PL

Intant, il-Partit Laburista, fi tweġiba għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista, qal li l-PN dawwar sitwazzjoni umanitarja f’waħda partiġġjana.