Il-Maltin b’permess jidħlu l-Greċja minn Ġunju

Il-Maltin se jkollhom permess jidħlu l-Greċja mill-15 ta’ Ġunju li ġej.

Illum il-Greċja ħabbret li se tkun qed tiftaħ is-suq turistiku tagħha għan-nies ġejjin minn 29 pajjiż differenti inkluż Malta.

Fost il-pajjiżi elenkati hemm il-Ġermanja, il-Bulgarija, New Zealand, u l-Finlandja.

Il-Maltin se jkollhom permess jidħlu Ċipru mill-20 ta’ Ġunju li ġej ukoll.

Ilbieraħ il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li l-Gvern għandhu data f’moħħu ta’ meta se jerġa’ jinfetaħ l-ajruport. Madanakollu, meta kienet qed titkellem fuq it-TVM, Farrugia Portelli ma semmiet l-ebda dati.

Il-ġurnalisti llum staqsew lis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci dwar il-ftuħ tal-ajruport. Prof. Gauci ma tatx dati imma qalet li qed isir xogħol fuq protocols.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jibqa’ magħluq għat-titjiriet kummerċjali mill-inqas sal-15 ta’ Ġunju. Din id-data tista’ tiġi estiza. Intant it-Times of Malta qal li l-ajruport mistenni jerġa’ jiftaħ sal-15 ta’ Lulju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn