Il-Maltin b’permess jidħlu Ċipru minn Ġunju

Il-Maltin se jkollhom permess jidħlu Ċipru minn Ġunju li ġej.

Rapporti f’siti barranin qalu li l-gvern ta’ Ċipru ddeċieda li mill-20 ta’ Ġunju nies ġejjin minn lista ta’ 13-il pajjiż inkluż Malta, il-Greċja, u l-Ġermanja mhux se jkollhom jippreżentaw ċertifikat li m’għandhomx il-coronavirus. Hemm lista ta’ pajjiżi oħra fosthom l-Iżvizzera li nies ġejjin minnhom iridu jippreżentaw tali ċertifikat.

Bħal Malta, Ċipru kienet waqqfet it-titjiriet kummerċjali fil-21 ta’ Marzu bħala parti mill-miżuri ta’ lockdown.

Għadu mhux magħruf kif il-Maltin se jkunu jistgħu jsiefru lejn Ċipru peress li l-unika ajruport tal-pajjiż għadu magħluq. Il-Gvern għadu ma ta l-ebda dettalji dwar kif u meta se jerġa’ jinfetaħ.

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ħabbar li probabbilment il-ftuħ tal-ajruport se jkun l-aħħar restrizzjoni li tiġi rilaxxata u dan jiddependi minn dak li jagħmlu pajjiżi oħra. Meta kien qed jitkellem fil-Parlament f’April, Schembri qal li ma’ kull rilaxx ta’ restrizzjoni jrid ikun hemm miżura li tkejjel l-effett tagħha fil-firxa tal-imxija tal-coronavirus.

Intant l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti appellat lill-Gvern sabiex jiftaħ l-ajruport għax jekk ma jagħmilx dan qed jirriskja li eluf ta’ persuni jispiċċaw bla xogħol għal perjodu twil. Fi stqarrija, l-MHRA faħħret il-passi li qed jieħu l-Gvern billi jindirizza l-impatt bla precedent fuq is-servizzi tas-saħħa u l-ekonomija tal-pajjiż ikkawżati mill-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn