Il-Maltin b’inqas fiduċja fl-istituzzjonijiet – Ewrobarometru

Read in English.

L-aħħar Ewrobarometru jindika li l-Maltin qed juru inqas fiduċja fl-istituzzjonijiet nazzjonali. Min-naħa l-oħra, żdiedet il-fiduċja tal-Maltin fl-istituzzjonijiet Ewropej u fin-Nazzjonijiet Uniti, bl-eċċezzjoni tal-Unjoni Ewropea.

L-istħarriġ sar bejn l-14 u t-28 ta’ Novembru 2019. Saru total ta’ 501 intervisti wiċċ imb wiċċ, ma’ nies li għandhom 15-il sena u iżjed. Ir-rapport ikopri għadd ta’ suġġetti, fosthom il-perċezzjonijiet tal-parteċipanti tas-sitwazzjoni personali tagħhom, ta’ Malta u s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, tal-Unjoni Ewropea, l-oġġettivi tal-European Green Deal, opinjonijiet fuq l-immigrazzjoni, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet, il-midja u s-sorsi ta’ xogħol.

Dan ifisser li r-riċerka u l-intervisti saru fiż-żmien ta’ kriżi politika wara li sar xi progress fl-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Xi aħbarijiet li ħarġu mill-investigazzjoni f’dan il-perjodu wasslu għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, u l-aħbar li Joseph Muscat se jirreżenja minn Prim Ministru. In-negozjant u sid ta’ 17 Black, Yorgen Fenech, ġie arrestat u akkużat li hu l-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista.

L-istħarriġ juri li 45% tal-parteċipanti wrew fiduċja fis-sistema legali u ġudizzjarja Maltija, 4% inqas mis-sena preċedenti. Il-fiduċja fil-Pulizija niżlet b’9% f’paragun mas-sena ta’ qabel, b’59%. Il-fiduċja fil-Forzi Armati naqset ukoll minn 77% fl-2018 għal 71% fl-2019. Dik fl-amministrazzjoni pubblika fl-2019 irriżultat fi 52%, filwaqt li fl-2018 kienet ta’ 68%. Il-fiduċja fl-Awtoritajiet Reġjonali jew Pubbliċi Lokali fl-2019 kienet ta’ 53% u fl-2018 ta’ 64%.

51% urew fiduċja fil-Gvern fl-2019, 12% inqas mis-sena ta’ qabel. Il-fiduċja fil-Parlament naqset b’mod sinifikanti wkoll, għaliex minn 59% niżlet għal 44%.

Fil-każ tal-istituzzjonijiet Ewropej, il-fiduċja fihom naqset ukoll, partikolarment fl-Unjoni Ewropea, b’3% inqas, b’total ta’ 53% jgħidu li għandhom fiduċja fiha. 57% qalu li għandhom fiduċja fin-Nazzjonijiet Uniti.

Minkejja dan, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej individwalment żdiedet: il-Parlament Ewropew b’59%, il-Bank Ċentrali Ewropew b’61% u l-Kunsill Ewropew b’50%. Il-fiduċja fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea baqgħet l-istess.

Il-Maltin kemm jafdaw lill-midja?

Rigward il-midja, mill-Ewrobarometru ħareġ illi 58% minn dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ jużaw il-midja ħafna, speċjalment dawk ta’ bejn il-15 u l-24 sena. L-iżjed li jagħmlu l-Maltin huwa li jaraw it-televixin. 71% jużaw l-internet ta’ kuljum. 55% jisimgħu r-radju ta’ kuljum filwaqt li 28% joqogħdu fuq l-aħbarijiet miktubin. 18% jaqraw il-gazzetta tal-anqas darba fil-ġimgħa.

It-televixin jibqa’ s-sors ewlieni tal-aħbarijiet fuq kwistjonijiet politiċi, bi 72% jgħidu dan. In-networks u s-siti elettroniċi huma wkoll sors ewlieni għall-aħbarijiet, bi 52%. L-inqas sors li jużaw in-nies huma l-aħbarijiet miktubin, jiġifieri l-gazzetti. Ir-radju għadu sors affidabbli wkoll fost il-poplu Malti b’50% jużawh bħala sors.

30% qalu li l-midja f’Malta toħroġ informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha. 57% ma jemmnux li ta’ min wieħed joqgħod fuq l-informazzjoni maħruġa mill-midja Maltija.

Il-fiduċja fil-partiti politiċi niżlet minn 36% għal 29% fl-2019.