Awdjo: Il-Maltija f’Londra li tagħżel hi minn fejn taħdem

Għal ħafna nies, is-safar hu mistrieħ mix-xogħol, iżda ftit huma dawk li jkollhom iċ-ċans jsiefru għal aktar minn erba' xhur fis-sena.
Karen Sargent hija Psikologa li taħdem ma' nies li għandhom kumpaniji u  hi tgħinhom itejbu s-servizzi tagħhom speċjalment fit-tmexxija.
Flimkien mas-sieħeb tagħha, Karen għandha wkoll sit li fiha tikteb dwar is-safar tagħhom, fosthom fil-Messiku u Tajlandja.
Spjegat li fuq dan is-sit, persuna tista' ssib informazzjoni dwar pajjiżi fejn jista' jsir volontarjat.
L-għan tas-sit hu li persuni li jsiefru jkunu jistgħu jesperjenzaw il-post huma, jiltaqgħu man-nies tal-lokal u mhux sempliċiment joqgħodu f'lukanda.
Ma' Newsbook.com.mt Karen qalet li huma dawn l-affarijiet li jgħinuha tapprezza aktar ħajjitha.
Dwar x'jagħmel dan l-istil ta' ħajja differenti minn xogħol f'uffiċċju, Karen spjegat li meta kienet tgħix hekk, kienet tkun imdejqa bl-istess rutina.
Peress li qed tgħix Londra bħalissa, Karen qalet li t-temp hu ferm differenti minn dak li hi mdorrija bih Malta u għalhekk tqatta' x-xitwa f'pajjiż aktar sħun.
Karen qalet li jekk persuna mhix kuntenta jew ċerta dwar ix-xogħol li qed tagħmel, din għandha ssib x'inhuma l-affarijiet li jferrħuha jew li tieħu gost tagħmel u toħloq xi ħaġa li hi tajba għaliha. Sostniet li hemm ħafna possibiltajiet ta' xogħol illum, kemm fuq l-Internet, kif ukoll permezz ta' korsijiet filgħaxija.
Temmet tgħid li huwa importanti li persuna tibda bilmod il-mod tibdel l-istil ta' ħajja, u tkompli taħdem għall-kuntentizza tagħha. 
Għal aktar għajnuna dwar is-servizzi fix-xogħol li toffri Karen, tista' tagħfas hawn