Filmat: Il-Konslu Marisa Farrugia salvatli ħajti – Martin Galea

21:15
Fi stqarrija, il-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca laqgħet l-aħbar tal-ħelsien tal-Malti Martin Galea wara l-ħtif tiegħu minn grupp ta’ militanti Libjani waqt il-ġlied fil-Libja.Il-President ferħet lill-familja Galea, li wara dawn il-jiem ta’ inċertezza kontinwa, il-familja tista’ terġa’ tingħaqad flimkien qawwija u sħiħa.
20:55
Fl-indirizz tiegħu lill-ġurnalisti, Martin Galea qal li hu kuntent li wasal lura Malta qawwi u sħiħ. Spjega li dan ma kienx jiddependi minnu "imma mill-isforzi ħabrieka tal-Gvern Malti, partikolarment ta' Marisa Farrugia, li milli rajt u smajt salvatli ħajti."  
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li s-sitwazzjoni kienet delikata ħafna u rringrazzja lil dawk kollha involuti fosthom lill-Komunità Iżlamika f'Malta u lill-uffiċjali tal-Medavia. Żied jgħid li l-importanti li Martin Galea jinsab Malta qawwi u sħiħ u qabel ma jingħaqad mal-familja tiegħu, se jmur l-Isptar Mater Dei għat-testijiet.
20:47
Martin Galea jasal Malta qawwi u sħiħ abbord ajruplan tal-Medavia Airlines. Il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella u l-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia jilqgħu lil Martin Galea hekk kif niżel minn fuq l-ajruplan tal-Medavia.
Aktar kmieni
Il-Malti, Martin Galea, li kien ilu maħtuf fil-Libja għal 11-il ġurnata, inħeles u issa jinsab fi triqtu lejn Malta. Huwa jinsab f’kundizzjoni tajba ta’ saħħa. Madanakollu mill-ajruport se jittieħed mill-ewwel l-Isptar Mater Dei minħabba possibiltà li qed ibati minn xi infezzjoni. 
Dan tħabbar mill-Prim Ministru Joseph Muscat illum wara nofsinhar. Il-Gvern ilu għal dawn l-aħħar jiem f’kuntatt ma’ min kien qed iżomm lil Martin Galea.
Il-Prim Ministru qal li Galea twassal fil-Konsulat Malti fil-Libja għal ħabta tas-5.50pm fejn tkellem miegħu l-Kap tas-Servizzi Sigrieti Michael Cassar. Żied jgħid li għal ħabta tas-6.55pm, niżel fl-ajruport ta' Mitiga fil-Libja, ajruplan tal-Medavia li ħalla Malta b'sitt membri tal-Forzi Armati ta' Malta abbord. 
Spjega kif dak il-ħin Martin Galea kien diġà qiegħed l-ajruport flimkien mal-Konslu Marisa Farrugia. Madanakollu kien hemm xi problemi minħabba li Galea ma kellux dokumenti li jidentifikawh. 
Dr Muscat qal ukoll li f'mument minnhom intalbu xi flus lill-kumpanija li jaħdem magħha Galea sabiex jinħeles. Il-Prim Ministru jinsab ċert li ma nagħtaw l-ebda flus. Sostna wkoll li l-Gvern Malti ma ntalab l-ebda flus. 
Fil-ħin li ġie maħtuf, Martin Galea kien f'vettura misjuqa minn Libjan. Fil-karozza kien hemm persuna oħra barranija. Kien biss Galea li nħataf, għalkemm hemm possibiltà li s-sewwieq u l-passiġġier l-ieħor inħatfu għal ftit ħin. 
Il-Prim Ministru spjega li l-ajruport huwa kkontrollat mill-Iżlamiċi. Sostna li Galea mhux minnhom ġie maħtuf. 
Sadanittant aktar kmieni f’Kastilja, meta spjega l-ħidma li kienet għaddejja, is-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mario Cutajar qal li “kienu mumenti kritiċi, li matulhom kienu għaddejjin taħdidiet ma’ min kien qed iżomm lil Galea”. Spjega li kien hemm nies fil-Libja li kienu qed jgħinu lill-Gvern Malti biex jinħeles Martin Galea li nħataf il-Ħamis 17 ta’ Lulju. Galea, li hu mill-Bidnija, jaħdem mal-kumpanija tal-enerġija Nageco, u nħataf waqt li kien qed jirritorna għax-xogħol ‘il barra minn Tripli.
Huwa qal li “l-affarijiet qed jevolvu malajr” u wera t-tama li “s-sitwazzjoni kellha tissolva fi żmien 24 siegħa, hekk kif is-sitwazzjoni fil-Libja tista’ tiggrava minn għada ‘l quddiem.”
Is-Segretarju Permanenti spjega mal-ġurnalisti li ma kienx magħruf għalfejn Galea inħataf.
Dwar il-kritika mill-unjins tat-tobba u l-infermiera, Mario Cutajar qal “Nafu x’aħna nagħmlu, ikun aħjar li kulħadd jiġbed ħabel wieħed milli jipprova jsemma’ leħnu.” Spjega li Malta għandha riżorsi limitati u f’din is-sitwazzjoni se tużahom kollha.
Filmat: Reel8 Productions Ltd