Il-Malti li kien maħtuf fil-Libja qed jgħin fl-investigazzjoni tal-Pulizija fi Tripli

Noel Sciberras, il-Malti li għamel 45 ġurnata maħtuf fil-Libja, għadu qed jgħin fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija fi Tripli.
Gazzetta lokali qed tirrapporta li l-Malti, li nħeles bl-għajnuna tal-iSpecial Deterrance Forces Libjani, jinsab f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba u qed jinżamm f’post b’sigurtà kbira.
Huwa mistenni li jirritorna Malta fil-ġranet li ġejjin.
Sciberras kien wieħed mill-ostaġġi barranin li, nhar il-Erbgħa li għadda, nħelsu f’ħidma tal-forzi Libjani wara li kienu qed jinżammu minn gang fil-limiti ta’ Tripli.
Il-qawwiet, li jiffurmaw parti mill-Ministeru għall-Intern Libjan tellgħu vidjow fuq l-internet li juri l-ħidma biex inħeles Noel Sciberras, li nħataf fl-10 ta’ Settembru li għadda.
Huwa mifhum li matul dawn l-aħħar ġimgħat, il-membri ta’ din il-gang ħatfu ammont ta’ barranin bħala ostaġġi biex jitolbu l-flus sabiex jeħilsuhom.