Il-Malti jserraħ aktar fuq il-flus kontanti biex iħallas

Minn survey ġdid li sar, irriżulta li l-konsumatur Malti jistrieh aktar fuq flus kontanti biex iħallas għall-bżonnijiet ta’ kuljum u għal 40% tal-bqija ta’ dak li jixtri. Skont it-tweġibiet tal-bejjiegħa, 30% ma jaċċettawx ħlas b’cards. Dan ħareġ minn survey li kkummisjona Mastercard flimkien mal-GRTU.

57% taċ-ċittadini Maltin jużaw debit card minflok flus għal 23% tal-affarijiet li jixtru. Ħlasijiet bil-credit cards ammontaw għal 16% u irriżulta li jintużaw l-aktar għal tranżazzjonijiet barra minn Malta. Skont stqarrija maħruġa mill-GRTU, 15% tal-konsumaturi li rrispondew qalu li m’għandhomx debit card u 37% m’għandhomx credit card.

Skont is-survey, 71% tal-bejjiegħa jaċċettaw ħlas bil-cards. Il-maġġoranza qalu li jemmnu li dan jattiraw aktar nies u jissimplifika l-proċess. Dawk il-bejjiegħa li ma jaċċettawx cards qalu li r-raġuni wara dan hu l-ħlas li hemm marbut mal-POS.

Il-President tal-GRTU Paul Abela qal li dan jikkonferma l-pożizzjoni tal-GRTU dwar l-importanza li jkun hemm aktar ħlas b’mod elettroniku u dwar l-importanza li jitneħħa kull xkiel bħalma huma l-ħlasijiet tal-POS.