Il-Malti fil-kumplott Russu fl-elezzjoni Amerikana “jogħsfor minn kullimkien”

Joseph Mifsud, il-Malti li qed ikun allegat li kien il-ħolqa bejn ir-Russja u l-kampanja elettorali għall-presidenza fl-Istati Uniti, giddeb lilu nnifsu meta riċentement qal li kien ħabib sew mal-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergey Lavrov.
F’Novembru li għadda Mifsud f’intervista ma’ La Repubblica kien qal li ma jaf lil ħadd mill-Gvern Russu, u kien ċaħad kategorikament li tkellem dwar “sigrieti” li setgħu jitfgħu f’dell ikrah lil Hillary Clinton li kienet ir-rivali tal-President Donald Trump.
Madankollu lbieraħ is-sit Buzzfeed irrapporta li Mifsud ftaħar ma’ mara Ukrena dwar il-ħbiberija tiegħu mal-Ministru Russu.
Mifsud qalilha dal-kliem fl-istess serata li fiha pproponielha li jiżżewġu, f’ristorant faċċta tal-Kremlin. Qalet li hu l-missier tat-tarbija li għadha kif twilditilha.
Skont is-sit, minn dakinhar li ħarġet fil-beraħ dan l-allegat involviment f’Ottubru li għadda, din il-mara ma semgħetx darb’oħra b’Mifsud.
Il-bijografija tiegħu għosfrot mill-università fejn kien jgħallem, l-imejl u l-mowbajl tiegħu mhumiex jaħdmu, u l-politiċi, kollegi u ġurnalisti ma jistgħux isibuh.
Buzzfeed ippubblikat serje ta’ messaġġi fuq Whatsapp bejn dil-mara u Mifsud, u fl-aħħar messaġġ jitlobha ma tikkomunikax mal-ġurnalisti.
Rapporti fil-midja Amerikana kienu identifikaw li kien Joseph Mifsud li għamel kuntatt ma’ George Papadopoulos, li mexxa l-kampanja presidenzjali ta’ Trump, u li kien għamel kuntatt ma’ Papadopoulos, biex jgħidlu li kellu dokumenti li ‘jħammġu’ lill-avversarju ta’ Trump, Hillary Clinton. Dawn id-dokumenti kienu f’forma ta’ imejls.
Il-Professur Mifsud u George Papadopoulos ħadmu flimkien fl-Akkademja f’Londra bejn Frar u April 2016.
L-indħil Russu fil-kampanja elettorali biex jiġi ffavurit Donald Trump hu suġġett jaħraq bħalissa fl-Istati Uniti, u hu s-suġġett ta’ investigazzjoni f’ġurija ta’ livell għoli ħafna.