“Il-Malti bħala lsien barrani se jkun miftuħ għal studenti barranin biss”

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, ċaħad li l-Gvern għandu xi intenzjoni li jneħħi l-Malti minn suġġett obbligatorju jew iwaqqgħu għal suġġett tat-tieni klassi.
Bartolo kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari addizzjonali tad-deputat Laburista Byron Camilleri.
Saħaq li dawk kollha li llum jitgħallmu l-Malti mhu se jaraw l-ebda tibdil u s-suġġett il-ġdid ‘Il-Malti bħala lingwa barranija’ se ikun miftuħ għal studenti barranin biss.
Hu qal li huwa biss is-Senat tal-Università li għandu s-saħħa li jista’ jbiddel is-suġġetti obbligatorji biex student jattendi l-Università.
Il-Ministru qal li hu fid-dmir tal-Gvern li jobbliga lil dawk minn pajjiżi oħra li jitgħallmu l-Malti. “La qegħdin f’darna, la qegħdin għandna, iridu juru rispett lejn l-ilsien tagħna u jitgħallmuh,” huwa qal.
Min-naħa l-oħra, il-Ministru qal li jinsab inkwetat bil-perċentwali ta’ 61% ta’ studenti  li jgħaddu mill-Malti tal-Matsec.
Bartolo qal li l-Malti hu wieħed minn erba’ lingwi fl-Unjoni Ewropea li qiegħed fil-periklu li jiddgħajjef fl-era diġitali minħabba li m’għandux preżenza qawwija fuq l-Internet.