​“Il-Malti bħala lingwa barranija: konfużjoni fl-iskejjel” – għaqdiet tal-Malti

Seba’ għaqdiet li jaħdmu b’risq il-Malti saħqu li l-eżami tal-Malti bħala lsien barrani se joħloq iktar konfużjoni fl-iskejjel.
Huma qalu dan hekk kif ingħaqdu flimkien biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar l-eżami tal-Malti bħala lingwa barranija li jrid jiddaħħal mill-Ministeru għall-Edukazzjoni. 
L-għaqdiet huma l-Akkademja tal-Malti, id-Dipartiment tal-Malti tal-Università, id-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College, l-Għaqda tal-Malti, l-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti, l-Għaqda Poeti Maltin u l-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa. 
Dawn l-għaqdiet kollha sostnew li ċ-ċittadini Maltin m’għandhomx jagħmlu eżamijiet tal-MATSEC bħala lingwa barranija jew bħala t-tieni lingwa. Qalu li din tapplika kemm għall-Malti kif ukoll għall-Ingliż.  
Il-barranin ta’ kull età, spjegaw dawn l-għaqdiet, għandhom jingħataw kull opportunità biex jitgħallmu l-Malti f’korsijiet speċjalizzati skont il-livelli varji tal-kompetenza tagħhom. 
Qalu li din iċ-ċertifikazzjoni tal-Malti bħala lsien barrani trid tkun sistema parallela u separata miċ-ċertifikazzjoni tal-MATSEC, il-bord li jamministra l-eżamijiet nazzjonali.
Is-seba’ għaqdiet elenkaw sensiela ta’ mistoqsijiet li ressaq lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, fosthom x’jiġri fil-każ ta’ barranin b’ċittadinanza Maltija, x’sillabu se jsegwu t-tfal b’ġenitur barrani wieħed, kif se jkunu akkomodati l-livelli differenti tal-istudenti barranin fi klassijiet differenti, u min se jieħu d-deċiżjoni dwar min ikun eliġibbli għal xiex. 
Staqsew ukoll x’tip ta’ konsultazzjoni qed issir, kif se jinstemgħu il-proposti għat-titjib biex jintlaqgħu l-isfidi ta’ soċjetà multilingwali u biex titneħħa l-konfużjoni.
"L-għaqdiet iridu jkunu miftuħa għal djalogu" – Ministeru
Intant bi tweġiba, il-Ministeru għall-Edukazzjoni tenna li mhux qed jippjana li jiddaħħal eżami ieħor, iżda li jitnieda programm sħiħ ta’ tagħlim għall-istudenti barranin li jixtiequ jitgħallmu l-Malti.
Spjega li l-għan huwa li tintlaħaq faxxa ġdida ta’ studenti u biex il-Malti jkun iktar aċċessibbli. 
Il-Ministeru temm billi esprima s-sodisfazzjon li hemm qbil dwar il-bżonn ta’ dan il-programm u appella lill-għaqdiet biex ikunu miftuħa għal djalogu sinċier.
Tpinġija: Ġorġ Mallia