Il-maltempata tropikali Gordon mistennija tinbidel f’urugan

maltempata tropikali Gordon urugan mewġ baħar

Il-maltempata tropikali bl-isem ta’ Gordon ħabtet fin-naħa ta’ isfel tal-istat tal-Florida b’ħafna xita u riħ qawwi u huwa mistenni li aktar tard illum il-maltempata ssir urugan meta tolqot il-parti ċentrali tal-kosta tal-Golf tal-Istati Uniti skont iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Urugani.

Il-maltempata huwa mistenni li tolqot il-kosta aktar tard illum viċin il-fruntiera bejn il-Louisiana u l-Mississippi u titfa’ mal-20 ċentimetru ta’ xita f’xi żoni tan-naħa ta’ isfel tal-Istati Uniti. Dawn iż-żoni diġà ġarrbu l-qilla ta’ urugani sena ilu.

Il-Gvernatur tal-Louisiana John Bel Edwards iddikkjara stat ta’ emerġenza u qal li se jinħatru 200 Uffiċjal Nazzjonali tal-Louisiana biex jgħinu fil-ħidma tas-salvataġġ flimkien ma’ 63 trakk, 39 dgħajsa u 4 elikottri.

L-Aġenzija tal-Immaniġġjar tal-Emerġenzi tal-Mississippi wissiet li x-xmara tista’ tgħola sa metru u nofs u ħabbret li r-residenti li jgħixu viċin għandhom ikunu preparati biex ikunu evakwati.