Il-maltemp ta’ Frar ikkawża €40,000 ħsara fil-kosta Maltija – Debattista

Is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Deo Debattista spjega kif il-maltempata li ħakmet il-gżejjer Maltin fi Frar li għadda kkawżat €40,000 ħsarat madwar il-kosta Maltija.

Dan qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar ix-xogħol ta’ manutenzjoni fil-kosta Maltija li jsir ta’ kull sena mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni sabiex l-għamara tal-baħar tkun adegwata u sigura għall-użu tal-pubbliku.

Debattista semma li kawża tal-maltemp ta’ Frar, id-diviżjoni mmanifatturat diversi prodotti mill-ġdid minħabba li dawn kienu nqerdu kompletament jew tkaxkru mill-baħar. B’kollox qal li ġew manifatturati 150 sellum, 80 hand rail u iktar minn 100 bracket ġdida li magħhom se jitwaħħlu l-kontenituri tal-iskart.

Intant, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spegat li ta’ kull sena jitwaħħlu iktar minn 340 sellum, 30 tapit ta’ decking, tmien pontijiet li jwasslu lill-għawwiema dirett fil-baħar u jitwaħħlu wkoll aktar minn 1,000 kontenitur tal-iskart.

Il-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar lid-diviżjoni u spjega kif ta’ kull sena din tiżgura li tkompli ttejjeb l-assistenza u l-manutenzjoni fejn jidħlu l-bajjiet sabiex tipprovdi spazji siguri u nodfa, kemm għall-komunità lokali, kif ukoll għat-turisti.