Aġġornata: Filmat: Il-bastiment Eleonore jidħol f’Pozzallo u jiġi sekwestrat

Read in English.

Filmat: Jonathan Schörnig

Il-bastiment Eleonore tal-NGO Mission Lifeline daħal fil-port ta’ Pozzallo wara li ddikjara stat ta’ emerġenza abbord u sfida l-projbizzjoni imposta mill-awtoritajiet Taljani.

Skont il-ġurnal Taljan Ansa.it, il-pulizija u l-Gwardja tal-Kosta marru fuq il-post fejn stennew l-irmonk tal-bastiment. Intant minn ħin għall-ieħor mistennija jibdew jitniżżlu l-immigranti. Intant il-Gwardja di Finanza ordnat is-sekwestru tal-bastiment filwaqt li l-immigranti intalbu jiżbarkaw.

Dan ġie propju wara li l-maltempata li ħakmet l-Italja matul il-lejl li għadda ħolqot kriżi umanitarja  fuq il-bastiment ta’ salvataġġ MV Eleonore bil-konsegwenza li l-101 persuni abbord tpoġġew fi spazju ristrett għal kenn mix-xita.

Dan wassal biex l-MV Eleonore jiddikjara stat ta’ emerġenza u jitlob liċ-ċentru ta’ kordinament ta’ tiftix u salvataġġ f’ Ruma biex jidħlu fl-ibħra territorjali Taljani għal kenn. Liema talba ġiet miċħuda mit-Taljani.

 

L-immigranti kien ilhom ġimgħa bejn sema u ilma, b’kemm l-Italja u Malta rrifjutaw li jagħtu permess lil MV Eleonore li jidħol f’port sigur bil-101 persuna abbord li ġew salvati mill-għarqa.

L-immigranti jinsabu wisq marsusin fi spazju limitat tal-bastiment li għandu ilqugħ.

Il-kaptan Claus-Peter Reisch li hu responsabbli mill-immigranti, kien arrestat Malta u mressaq il-qorti meta kien fuq missjoni simili fuq il-bastiment MV Lifeline.

AQRA UKOLL:

Jaslu l-provvisti tal-ikel u l-ilma abbord Eleonore