“Il-maltemp jikkawża ħsara fi triq f’Għawdex” li nfetħet ġimagħtejn ilu

Triq Sant'Antnin Għajnsielem
DOI: Clifton Fenech

Il-maltemp ikkawża l-ħsarat f’parti minn Triq Sant’Antnin f’Għajnsielem, li nfetħet ġimagħtejn ilu.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar fuq Facebook li l-biċċa ta’ fuq tat-triq ġarrbet xi ħsarat minħabba l-ilma tax-xita matul il-lejl.

Huwa qal li ordna lill-kuntrattur biex jirranġa l-ħsara u jħallas l-ispejjeż hu. Ix-xogħol għandu jibda fis-sigħat li ġejjin, jekk it-temp ikun jippermetti.

Triq Sant’Antnin infetħet fit-12 ta’ Novembru mill-Ministru u mill-Prim Ministru Robert Abela, b’investiment ta’ €2 miljun.

Dalgħodu ġejt infurmat li parti żgħira minn Triq Sant’Antnin, il-biċċa ta’ fuq, ġarrbet xi ħsarat kawża tal-ilma…

Posted by Clint Camilleri on Wednesday, November 25, 2020

Il-proġett fuq din it-triq arterjali li tgħaqqad il-Port tal-Imġarr mal-Qala u ma’ Għajnsielem kien mifrux fuq medda ta’ 800 metru. Ix-xogħol kien jinvolvi wkoll xogħol relatat ma’ servizzi ġodda bħal networks tal-komunikazzjoni, servizzi ġodda ta’ ilma, drenaġġ u elettriku u culverts għall-għargħar minħabba li minnha jgħaddi ħafna ilma tax-xita minn Għajnsielem, min-Nadur u mill-Qala.

Il-proġett kien jinvolvi wkoll il-bini ta’ bankini ġodda u ta’ ħitan ta’ lqugħ biex tissaħħaħ it-triq, bini ta’ ħitan tas-sejjieħ u żewġ saffi asfalt.