“Il-maltemp jikkawża aktar ħsarat lill-bdiewa; baqgħu b’xejn” – Agius

Il-kandidat għal Membru Parlamentari Ewropew, Peter Agius, qal fuq Facebook li l-maltemp tal-bieraħ reġa’ kkawża ħsarat lill-bdiewa Maltin. Qal ukoll li dawn għadhom lanqas biss ingħataw ċenteżmu mill-Gvern wara d-dannu li sarilhom bil-maltempata qalila ta’ Frar li għadda.

Fi Frar li għadda, Malta esperjenzat ħsarat estensivi kawża ta’ maltempata qalila li kienet ħakmet lill-gżejjer. L-ispejjeż kienu telgħu għal total ta’ €25 miljun. Minkejja dan Malta ma kinitx eliġibbli għal fondi Ewropej. Il-Gvern kien ħabbar li minkejja li Malta ma ħaditx dawn il-fondi, il-Gvern kien beda proċess sabiex bdiewa u raħħala li sofrew danni ta’ natura strutturali waqt il-maltempata u rreġistraw il-ħsarat lid-Dipartiment tal-Agrikultura jingħataw l-għajnuna relatata.

Propju llum, fuq Facebook, Agius sostna li l-ħsarat li seħħew ilbieraħ, minkejja li mhux daqshekk gravi daqs dawk ta’ Frar, reġgħu fetħu l-ferita ta’ bosta bdiewa, qal li hu jinsab mgħarraf li sa issa ħadd għadu ma rċieva ċenteżmu minn dak li wiegħed il-Gvern.

Ftit tal-ħin wara, ikkummenta fuq il-post ta’ Agius is-Segretarju Parlamentari nniffsu, Aaron Farrugia, fejn irrimarka li l-ħsarat li saru ma kienux laħqu t-treshold Ewropew sabiex il-pajjiż jibbenefika mill-fondi. Qal li s-sottomissjonijiet permezz tal-uffiċċju tiegħu daħlu fil-ħin u ġie deċiż li l-bdiewa li kellhom ħsarat jieħdu xi flus li jgħinhom itaffu ftit mill-ispejjeż tal-ħsarat li sarulhom. Qal li minħabba li dawn il-fondi qed joħorġu mill-fond konsolidat u mhux mill-fondi Ewropej il-proċess għadu għaddej u qed isir mill-Ministeru għall-Ambjent.